It-tim legali tal-aħwa Robert u Adrian Agius magħruga bħala tal-Maksar qegħdin jiċħdu bil-qawwa kollha li l-armi, l-munizzjon, kif ukoll materjal suspettat splussiv, li nstabu f’qiegħ il-baħar f’Miġra l-Ferħa, limiti tar-Rabat, huwa b’xi mod marbut magħhom.
L-Avukat Alfred Abela qal lil-Net News, “il-klijenti tagħna qegħdin jiċħdu bil-qawwa kwalunkwe allegazzjoni li qed issir fir-rigward tagħhom. Ippermettuli li ġentilment infakkar li l-aħwa ilhom miżmuma f’kustodja preventiva mill-24 ta’ Frar 2021, u mill-bidu nett iddikjaraw l-innoċenza tagħhom, u se jibqgħu jagħmlu hekk.
“Ma ġewx mitkellma mill-Pulizija u lanqas ma ġew mgħarrfa bl-ebda investigazzjoni f’dan ir-rigward, u l-għarfien tagħhom ta’ dawn l-allegazzjonijiet huwa limitat għal dak li qed jiġi rrappurtat fil-midja. Wieħed irid japprezza li l-provi jsiru f’Qorti tal-ġustizzja, u mhux fuq il-midja, u allegazzjonijiet bla bażi mifruxa jikkawżaw preġudizzju serju għad-dritt tal-klijenti tiegħi għal smigħ ġust”, qal l-Avukat Abela.
Ingħad li l-armi u l-materjal splussiv, li jinkludu AK-47s, kienu intenzjonati li jintużaw Malta. Dawn instabu f’basktijiet apposta li jilqgħu għall-ilma, f’qiegħ il-baħar. Dan waqt operazzjoni tal-Ispecial Intervention Unit tal-Pulizija assistiti minn patrol boat tal-Forzi Armati ta’ Malta.
L-aħwa tal-Maksar huma implikati f’każijiet kriminali kbar fosthom l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-qtil tal-Avukat Carmel Chircop. L-investigazzjonijiet minn naħa tal-Pulizija dwar din is-sejba għadhom għaddejjin. Il-Maġistrat tal-Għassa Monica Vella kienet infurmata bis-sejba u ħatret inkjesta.