Lokali Qorti

Tliet snin ħabs fuq serq ta’ ġojjelli minn residenzi ta’ anzjani

Jasmine Azzopardi ta’ 44 sena minn Raħal Ġdid, li għandha problema akuta mat-teħid tad-droga ġiet kundannata tliet snin ħabs mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech wara li ammettiet li serqet ġojjelli minn ħames residenzi ta’ anzjani. Magħha u li fil-passat diġa kienet kundannata sentenzi ta’ ħabs kienet involuta f’dan is-serq kienet involuta mara oħra, Nathalie Bonello ta’ 46 sena, li wkoll kienet dipendenti mid-droga.

Għall-ewwel Azzopardi kienet baqgġħet siekta meta tressqet, xi ħaġa li għall-Qorti tfisser li kienet qed twieġeb mhux ħatja, iżda issa ddeċidiet li tammetti. Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Jonathan Ransley dejjem sostniet li n-nisa nqdew bil-Coronavirus biex daħlu fil-ħames residenzi tal-vittmi tagħhom.

Is-serqiet saru, tnejn f’Birkirkara, waħda fuq anzjana ta’ 81 sena u fuq waħda ta’ 92 sena, serqa oħra f’Santa Venera fuq anzjan ta’ 77 sena u oħra fl-Imsida fuq anzjana ta’ 82 sena flimkien ma’ serqa fuq anzjana ta’ 79 sena fl-Imsida. L-Ispettur Ransley li nvestiga l-każ kien qal fil-Qorti li fil-każijiet kollha, n-nisa kienu jħabbtu fuq ir-residenzi tal-anzjani jgħidulhom li huma impjegati ma’ aġenziji li joffru servizzi lill-anzjani.

Is-serqiet dejjem saru bl-istess mod. Waqt li waħda tibqa’ titkellem mal-vittma, l-persuna l-oħra twettaq is-serqa. Kien hemm każijiet fejn dik li twettaq is-serqa titlob lill-anzjana biex tmur sal-kamra tal-banju. Dwar il-piena l-Qorti ħadet in konsiderazzjoni n-natura tar-reati li dwarhom qed tinstab ħtija, l-ammissjoni ta’ Azzopardi kif ukoll tal-fedina penali kkulurita tagħha li turi kif l-imputata mhijiex xi ‘first-time offender’ u li ngħatat bosta opportunitajiet biex tirriforma.

Il-‘Probation Officer’ qal fir-rapport  tiegħu: “Bhala rakkommandazzjoni minn informazzjoni miġbura qiegħed ikun umilment rakkomandat li Jasmine Azzopardi tingħata sentenza ta’ ħabs effettiva u dan sabiex minbarra li sservi ta’ deterrent għaliha,  tkun tista’ tapprezza l-valur tal-opportunitajiet illi hija kienet ingħatat mill-Qorti fil-passat sabiex tirriforma ruħha permezz ta’ sentenzi fil-komunità.

“Jasmine b’hekk tkun f’ambjent kontrollat u sigur sabiex taħdem mingħajr tfixxkil fuq aspetti ta’ ħajjitha li jirrikjedu attenzjoni partikolari kif ukoll sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ reċidiviżmu.”. Il-Qorti qiset dak li ddikjarat il-Prosekuzzjoni, dik li Azzopardi kkollaborat mal-awtoritajiet investigattivi tant, li bl-għajnuna tagħha, gew riżolti każijiet oħra. Ittieħed kont tal-fatt li l-imputata ġiet xprunata twettaq dawn ir-reati minħabba l-vizzju ta’ droga.

Madanakollu jibqa’ l-fatt li huma x’inhuma d-diffikultajiet li persuna tiġi kostretta tħabbat wiċċha magħhom fil-ħajja, ma jitnissel ebda dritt minn dan u ma hemm ebda skuża sabiex dik il-persuna tkaxxkar fid-diffikultajiet tagħha oħrajn intortament, partikolarment meta dawn huma persuni mill-aktar vulnerabbli u dipendenti – persuni li jixraqilhom protezzjoni aktar minn membri tas-socjeta` oħra.

Il-Qorti qalet li dawn ir-reati  seħħew fi żmien kiefer ta’ pandemija fejn l-anzjani kienu jixxenqu għall-kumpanija u għajnuna. Minflok l-id ta’ għajnuna sabu id li barmietilhom in-naqra li kellhom, li ħadmu għalih u li kienu jipposjedu b’tant għożża! Għal Jasmine Azzopardi deher l-Avukat Arthur Azzopardi.