Lokali

Tnejn midruba wara li waqa’ fuqhom ġebel

Żewġ ħaddiema ndarbu wara li għall-ħabta tal-9.45 ta’ dalgħodu waqa’ xi ġebel fuqhom waqt li kienu qegħdin jagħmlu xogħol fit-telgħa ta’ Sa Maison fil-Floriana, f’parkeġġ fi Triq Vincenzo Dimech.

Il-ħaddiema huma mill-Bangladesh u għandhom 40 u 24 sena. Jidher li huma sofrew ġrieħi f’rashom.

Fuq il-post waslu ħaddiema tal-protezzjoni ċivili kif ukoll tim mediku fejn aktar tard huma ttieħdu l-Isptar Mater Dei għal iktar kura. Ir-raġel ta’ 40 sena ġie ċċertifikat li weġġa’ serjament u jinsab fil-periklu tal-mewt filwaqt li l-ieħor ġie ċċertifikat li weġġa’ ħafif.

Il-Pulizija għaddejjin bl-investigazzjonijiet tagħhom dwar dan il-każ filwaqt li l-Maġistrat tal-Għassa Natasha Galea Sciberras ħatret inkjesta.