Enerġija Lokali

Tuża retorika politka biex taħrab mid-domandi dwar l-Electrogas u l-Interconnector

Mill-2017 sal-lum, pajjiżna uża biss terz tal-enerġija provduta mill-Interconnector, minkejja li dan kien l-orħos sors ta’ energija. Il-Gvern Laburista rabat lil pajjiżna biex jixtri bilfors mill-Electrogas – illi mhuwiex l-irħas sors ta’ enerġija.

Affaċjata b’dawn il-fatti, l-Ministru Miriam Dalli ħarbet milli twieġeb dwar jekk pajjiżna hux qed jixtri l-enerġija mill-irħas sors u għażlet li tilgħab b’diskors politiku fil-mod illi bih poġġiet il-kliem għad-domandi li għamilnielha. Miriam Dalli qalet li l-Gvern “dejjem adotta l-politka tal-irħas sors.” Din it-tweġiba ma tfissirx li pajjiżna dejjem xtara mill-irħas sors u għalhekk jista’ jagħti l-każ li l-familji Maltin u Għawdxin qed jispiċċaw iħallsu iktar għall-kontijiet tagħhom. Kien għalhekk li erġajna pruvajna nistaqsu lill-Ministru għal darba darbtejn. Hawnhekk il-Ministru spjegat li “l-Gvern qed jieħu kunsiderazzjoni tal-aspetti tekniċi u finanzjarji.” Sitwazzjoni ċara ta’ Ministru li għażlet li tkompli tilgħab bil-kliem minflokk twieġeb “iva” jew “le” dwar jekk hux qed nixtru l-enerġija mill-irħas sors.

Dawn il-mistoqsijiet saru fl-isfond tal-ftehim li l-Gvern għamel mal-Electrogas biex jixtri gass għal 18-il sena irrispettivament jekk dan ikunx l-irħas prezz fis-suq għaliex statistika ppublikata mill-Ministeru ta’ Miriam Dalli turi li mill-mument li fih bdiet topera l-Electrogas, l-interconnector naqqas l-użu tiegħu b’mod dratiku. Il-Ministru Dalli ma tatx garanzija li l-Gvern Laburista dejjem xtara enerġija bl-irħas prezz possibbli, anke f’kazi meta l-enerġija mill-interconenctor kienet irħas milli mill-Electrogas.