Lokali Qorti

Wara li f’Mejju allegatament hedded lil ommu b’xabla, issa mixli li heddidha b’mus

Raġel ta’ 39 sena mill-Ħamrun li f’Mejju li għadda ġie mixli li hedded lil ommu ta’ 70 sena b’xabla, huwa reġa’ tressaq il-Qorti fejn din id-darba ġie akkużat li minkejja li ma setax javviċina lil ommu fuq ordni tal-Qorti, mar fir-residenza tagħha u heddidha b’mus. Il-Prosekuzzjoni qalet fil-Qorti li dan it-theddid dejjem isir fil-konfront ta’ ommu biex hija tagħtih il-flus għad-droga.

Quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras ir-raġel li ma jaħdimx qal li huwa għix bil-pensjoni tal-invalidità. L-Ispettur Audrey Micallef qalet li kien fl-10 ta’ Mejju li daħal rapport dwar vjolenza domestika fuq anzjana ta’ 70 sena, u wara li binha kien arrestat.

Huwa kien tressaq il-Qorti fejn kienet miċħuda il-libertà proviżorja dak inhar u ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-omm. Fis-26 ta’ Mejju huwa ngħata l-liberta proviżorja u fil-21 ta’ Ġunju l-omm reġġħet għamlet rappot li binha mar iħabtilha l-bieb u reġa’ talabha flus għad-droga.

Sussegwentement husa ħareġ mus u għamlilha sinjal minn fuq sa isfel biex ibeżżagħa u dan fil-kamra tas-sodda tiegħu. Il-Prosekuzzjoni qalet li huwa ried ifisser li ‘b’dan iċċartek’. Wara ħadilha it-‘telecare’ u l-mobile, ħbihomla f’kaxxa tal-għodda u sakkarhom katnazz.

Wara qalet l-Ispettur Micallef ordnalha biex tilbes il-piġama u tidħol fil-kamra tagħha u ma tiċaqlaqax. Wara ftit tal-ħin qamet u sabet lil binha rieqed. Hija rnexxielha tieħu l-mobajl u ċemplet lit-tifla, li tiġi oħt l-imputat. Dan seħħ għall-ħabta tal-4.00am. Il-Pulizija marru fuq il-post tiegħu bl-akkużat jispiċċa arrestat mir-residenza ta’ ommu.

L-Ispettur Micallef ġibdet l-attenzjoni tal-Qorti li kien ukoll sar kuntatt mill-akkużat ma’ ommu meta huwa kien għadu l-ħabs, u dan minkejja l-‘protection order’ tal-Qorti. Tenniet ukoll li anke fl-istqarrija li ta lill-Pulizija l-akkużat qalilhom li meta ommu ma tkunx id-dar kien imur fir-residenza tagħha.

Saħqet li meta kien ta lill-Qorti l-indirizz fejn kien qed jgħix irriżulta li dan kien garaxx bla dawl u ilma. Mistoqsi kif kien jinħasel qal li kien imur il-gym u li ġieli għamel il-bżonnijiet naturali tiegħu f’landa u l-gym kien imur f’ħinijiet li suppost jkun id-dar.

L-Avukat Martin Fenech li deher għall-akkużat qal li l-klijent tiegħu kien mar għand ommu għax kien qed imutlu l-kelb u mhux biex jhedded. Huwa ġie mixli fil-fatt li insulenta u ta fastidju lil ommu, li ħareġ il-barra mill-limiti tal-provokazzjoni u li kkommetta reat waqt ordni ta’ probation, liema sentenza kienet ingħatat mill-Qorti tal-Maġistrati fi Frar li għadda.

Ġie mixli wkoll li fl-20 ta’ Ġunju 2020 u 21 ta’ Ġunju 2021 ta fastidju, arresta u ssekwerstra lil ommu kontra l-volontà tagħha, bil-ħsieb li jikkometti ferita b’arma li taqta’ u bil-ponta, liema delitt ma ġiex eżegwit minħabba xi ħaġa aċċidentatli u ndipendenti mill-volonta tiegħu.

Ġie mixli wkoll li kiser ordni ta’ protezzjoni kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-liberta proviżorja. Saret talba għal libertà proviżorja li sabet oppożizjoni minn naħa tal-Prosekuzzjoni minħabba l-biża ta’ kontaminazzjoni tal-provi, bil-Qorti ċħadet it-talba bl-akkużat jintbagħat il-ħabs. L-Avukat Alfred Abela qed jidher għal allegata vittma.