Sport Sport Ieħor

Allyson Felix se tieħu sehem fl-Olimpjadi ta’ Tokjo

Allyson Felix ta’35 sena rebbieħa ta’ sitt midalji tad-deheb għall-Istati Uniti mistennija tieħu sehem f’Tokyo għal ħames Olimpijadi tagħha. Fit-trials tal-Istati Uniti temmet fit-tieni post fl-400 metru. Felix għamlet it-distanza f’50.02 sekondi wara Quanera Hayes u f’Tokyo ser tkun qed tikkompeti għall-ewwel darba bħala omm wara li fl-2018 kellha tifla. Wara waqfa pjuttost twila, Felix irritornat fit-track sentejn ilu wara problemi li kellha wara li welldet fejn bintha Camryn fl-ewwel xhur kienet għal kura intensiva .

Waqt it-trials f’Eugene fl-Oregon, Trayvon Bromell rebaħ il-100 metru f’9.8-0 sekondi qabel Ronnie Baker u Fred Kerley. Bromell għandu l-aħjar ħin fid-dinja dak ta’ 9.77 sekondi . Justin Gatlin, li kien qed jittama li jmur fir-raba’ Olimpijadi spiċċa fl-aħħar post. Rekord għall-Istati Uniti fil-hammer throw permezz ta’ Rudy Winkler b’tefgħa ta’ 82.71 metru filwaqt li Keturah Orji ikkwalifikat għat tieni Olimpijadi tagħha meta rebħet it-triple Jump b’14.52 metri.