Lokali

“Autogoal” terribbli għall-ekonomija Maltija – MEA

Il-piż se jkollu jġorru n-negozjant onest – Appell għall-għaqda nazzjonali

L-aħbar li l-Gvern Malti spiċċa fuq il-greylist mill-Financial Action Task Force, l-FATF, hija daqqa devastanti għall-ekonomija Maltija.

Sostniet din l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem fejn spjegat li bid-differenza tal-pandemija tal-Covid-19 din il-kriżi ġabha minn jheddu – riżultat ta’ prattiċi korrotti minn numru ta’ politiċi u negozjanti diżonesti….magħġuna ma sistemi ta’ governanza ineffettiva.

L-MEA saħqet li l-ġustizzja lokali wriet li hija b’saħħitha mad-dgħajjef iżda numru ta’ reati – inkluż il-qtil ta’ ġurnalista spiċċat uriet mad-dinja li hemm labirint ta’ sistema ġudizjarja f’pajjiżna.

Dan filwaqt li ingħad li pajjiżna ġie mgħeżżeż minn numru kbir ta’ skandli b’għadd ta’ politiċi stabbiliti involuti flimkien ma’ ‘political exposed persons’ u minkejja l-ħidma tal-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana…xorta waħda ma rnexxilux inaddaf dak li ħalla warajh il-predeċessur tiegħu.

“Sfortuna li l-appelli tagħhna ġew injorati mill-Gvern – nappellaw għal għaqda nazzjonali”

L-MEA saħqet li l-governanza mhux biss ħidma għal voti imma hija bbażata fuq il-valuri. Dan filwaqt li insistiet li mhux biżżejjed li nirranġaw is-sistemi governattivi tal-pajjiż, imma rridu nerġgħu nirbħu lura l-fiduċja tal-komunità internazzjonali.

“Il-fatt li Malta tpoġġiet fuq il-greylist…hija umiljanti”. L-MEA insistiet li spiċċa ż-żmien li nippontaw subgħajna lejn xulxin u għandna nfittxu l-għaqda għat-triq ‘il quddiem.

Dan filwaqt li l-Assoċjazzjoni insistiet li l-akbar piż ħa jkollu jġorru n-negozjant onest u l-ħaddiema tiegħu. Hija saħqet li ilha snin tappella sabiex ikun hemm riforma fuq livell politiku sabiex l-amministrazzjoni tkun immexxiha min-nies onesti u ta’ min jorbot fuqhom u huwa ta’ sfortuna kbira li l-appelli tagħha u tal-MCESD kienu injorati mill-Gvern.