Internazzjonali

Brexit: Konferma ta’ deadline għaċ-ċittadini tal-UE residenti fir-Renju Unit

L-uffiċjali għall-infurzar tal-immigrazzjoni se jibdew jagħtu twissija  — valida għal 28 jum — liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea residenti fir-Renju Unit biex huma japplikaw ħalli jkomplu jgħixu f’dan il-pajjiż.

Madankollu, il-Home Office (Ministeru għall-Intern) f’Londra se jippermetti ‘żmien indefinittiv’ biex dawn in-nies jimlew l-applikazzjoni għal hekk-imsejjaħ ‘settled status’ f’każ li huma jkollhom raġuni valida għal dawmien fil-proċess. L-iżvilupp tħabbar mill-Gvern Britanniku u meta fadal ġimgħa għad-deadline relatat mal-applikazzjonijiet.

Madwar 5.6 miljun ċittadin tal-European Economic Area (EEA) u d-dipendenti tagħhom applikaw għas-‘settled status’ li għandhom jikkonfermalhom ir-residenza fir-Renju Unit.

Madankollu, hu minnu li fadal mal-400,000 każ pendenti u l-persuni nkarigati mill-helpline tal-Gvern qegħdin jirċievu eluf ta’ telefonati kuljum mingħand in-nies milqutin minn din il-miżura

Wara r-referendum tal-Brexit tal-2016, il-kunċett ta’ settled status kien introdott għaċ-ċittadini tal-UE u tal-EEA li qegħdin jgħixu fir-Renju Unit – b’dan il-kunċett jippermetti biex dawn in-nies iżommu l-istess drittijiet ta’ residenza u drittijiet oħrajn relatati mal-ivvjaġġar u s-settur tax-xogħol – flimkien ma’ aċċess għall-kura tas-saħħa u benefiċċji oħra.

Intant, il-pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom għamlu l-akbar numru ta’ applikazzjonijiet għal settled status huma l-Polonja (b’975,000) u r-Rumanija (b’918,000).