Internazzjonali

Covid-19: L-industrija tal-ivvjaġġar fir-Renju Unit titlob biex il-Gvern inaqqas ir-regoli relatati mal-pandemija

Is-sidien tal-kumpanji u negozji indipendenti involuti fis-settur tal-ivvjaġġar ħeġġew lill-Gvern tar-Renju Unit biex jespandi l-lista tad-destinazzjonijiet indikati bħala ‘ħodor’ fejn iċ-ċittadini Britanniċi jistgħu jmorru mingħajr il-ħtieġa li jqattgħu l-ġranet taħt kwarantina. Sejħa oħra ta’ dawn il-kumpaniji hi biex il-Gvern Britanniku jaddotta sistema fejn ir-restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar internazzjonali jsiru aktar ‘proporzjonali’ għas-sitwazzjoni.

Il-kelliema għal dawn il-kumpaniji qalu li l-passi għandhom jittieħdu ‘issa’ inkella mhumiex se jilħqu jirkupraw ix-xogħol għall-istaġun tas-sajf. It-twissija mhix biss relatata għan-nies li qed jittamaw li jieħdu l-btajjel tas-sajf tagħhom bħal fis-snin preċedenti iżda hi wkoll sejħa biex ikunu salvati l-impjiegi tan-nies fis-settur.

Il-Gvern tar-Renju Unit, kull tliet ġimgħat, jirrevedi l-listi tal-‘aħdar’, ‘aħmar’ u ‘amber’ li jindikaw il-livell ta’ periklu mill-infezzjonijiet tal-Covid-19 – u l-analiżi li jmiss għandha ssir fil-jiem li ġejjin.

Sadanittant, il-Ministru Britanniku għas-Saħħa, Matt Hancock, qal li l-Ministri f’Londra qed jaħdmu fuq plani biex iwarrbu r-regoli tal-kwarantina għan-nies li jkunu ngħataw it-tilqima ‘sħiħa’ kontra l-Covid u li jkunu qed jivvjaġġaw lejn ir-Renju Unit mill-pajjiżi indikati bħala ‘amber’.

Fi żviluppi oħra, Gary Lewis, il-Kap Eżekuttiv tat-Travel Network Group li jirrappreżenta mal-1,200 negozji indipendenti fis-settur tal-ivvjaġġar, qal li dawn in-negozji tħallew mingħajr appoġġ finanzjarju u ‘fi stat ta’ ambigwità’ dwar ir-rotot sikuri relatati mal-ivvjaġġar internazzjonali. Lewis, b’hekk, talab appoġġ finanzjarju għas-setturi speċifiċi u biex ir-roadmap tal-Gvern ikun spjegat aktar ċar lill-azzjonisti fis-settur tal-ivvjaġġar.

Gary Lewis qal ukoll li ż-żmien qed jagħfas biex il-kumpaniji u n-negozji Britanniċi fis-settur tal-ivvjaġġar isalvaw xi ħaġa mill-istaġun waqt li awgura li l-Gvern Britanniku ‘jirrispetta l-kontribut ta’ dawn il-kumpaniji lill-ekonomija tar-Renju Unit.’

Sadanittant, fl-Awstralja, qed ikunu implimentati r-restrizzjonijiet ġodda  madwar il-belt ta’ Sydney ( l-akbar belt fil-pajjiż) bl-awtoritajiet qed jippruvaw irażżnu epidemija tal-Covid li qed tiċċirkola qalb is-soċjetà b’rata mgħaġġla.

L-awtoritjiet lokali, f’nofs il-ġimgħa, irrappurtaw 16-il infezzjoni ġdida  –bil-‘cluster’ f’Sydney issa jaqbeż l-40 każ. Intant, il-5.3 miljun residenti f’Sydney se jkollhom jilbsu l-maskri fuq ġewwa u ħafna minnhom mhumiex se jitħallew jivvjaġġaw lejn il-belt jew ‘il hin minnha.

L-uffiċjali huma inkwetati ħafna dwar il-varjant ‘Delta’ tal-Covid li kapaċi jinfetta lin-nies aktar malajr – b’dan il-cluster anki qed jindika l-ogħla qabża tal-infezzjonijiet f’Sydney minn Diċembru ‘il hawn.

Għalkemm ir-residenti f’Sydney, matul is-sena, gawdew minn kważi l-ebda restrizzjonijiet għall-ħajja normali, l-ispinta notevoli fin-numru tal-każi tal-Covid, issa ġiegħelu lill-awtoritajiet jerġgħu jdaħħlu r-regoli għal social distancing.