Lokali Qorti

Deċiżjoni konfermata fil-konfront ta’ anzjan li se jgħaddi ġuri fuq attivitajiet sesswali ma’ tifla

Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat deċiżjoni fil-konfront ta’ anzjan ta’ 70 sena li se jgħaddi ġuri dwar allegat attivitajiet sesswali ma’ tifla ta’ tmien snin li seħħew f’Ottubru tal-2015, liema allegati reat seħħew f’Ħaż-Żabbar fis-6 ta’ Ottubru.  Huwa qed jiġi mixli b’erba’ Kapi ta’ akkuża fosthom li ssekwestra lit-tifla kontra l-volonta tagħha u li ġiegħla  toqgħod għal xi ħaġa li toffendi l-mistħija tas-sess tagħha.

Id-deċiżjoni kienet mogħtija fi Frar li għadda mill-Imħallef Giovanni Grixti fejn kien ċaħad numru ta’ oġġezzjonijiet fuq il-każ ippreżentati minn Grazio Azzopardi li qed jistenna li fil-futur jgħaħdi mill-proċess ta’ ġuri talli allegatament wettaq atti mmorali fuq it-tifla.

Fl-2016, Azzopardi minn Ħaż-Żabbar, li dak iż-żmien kellu 65 sena, kien ġie akkużat li wettaq dawn l-atti fejn qed jiġi mixli wkoll li uża jew hedded bi vjolenza lit-tifla u li qassam materjal pornografiku u oxxen. L-anzjan argumenta fost affarijiet oħra li l-Prosekuzzjoni kienet “iddrammatizzat” l-akkużi sabiex “tagħti immedjatament lill-ġurati impressjoni li titfa’ dawl ħażin fuqu u konsegwentement tista’ tippreġudika b’mod irremedjabbli l-proċess tiegħu mill-bidu nett.”

Il-Qorti tal-Appell ċaħdet l-argumenti ta’ Azzopardi li sostna wkoll li d-dikjarazzjoni tiegħu ttieħdet b’mod irregolari u bi ksur tad-drittijiet tiegħu. Iżda l-Qorti tal-Appell ikkonfermat d-deċiżjoni tal-Imħallef Grixti li kien qal li l-proċess tal-ġurija kellu s-salvagwardji meħtieġa biex jikkontro-bilanċja kwalunkwe drammatizzazzjoni tal-akkużi

Ingħad ukoll li ma kien hemm l-ebda raġuni biex l-istqarrija inkwistjoni tiġi ddikjarata inammissibbli.  L-argument tiegħu li t-tabib li eżamina l-vittma kellu jittieħed bħala xhud ordinarju u mhux bħala xhud espert, peress li aktar tard ġiet hekk maħtura mill-Qorti, ġie miċħud ukoll.

Huwa kien ilmenta wkoll li tabiba li tqabbdet tkellem lit-tifla marret lil hinn mix-xogħol mitlub minnha. Il-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Edwina Grima u Aaron Bugeja ċaħdulu l-ilmenti tiegħu u kkonfermaw is-sentenza tal-Imħallef Grixti fl-intier tagħha.