Lokali

Flimkien biss nistgħu noħorġu rebbieħa minn din l-isfida – Bernard Grech

“Dan iż-żmien mhux business as usual, u żgur li ħadd ma jista’ jbaxxi rasu u jimxi għalieh waħdu”

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech wara laqgħa tal-Grupp Parlamentari fid-Dar Ċentrali l-Erbgħa filgħaxija wara li ġie mħabbar li  l-Gvern Malti tqiegħed fuq il-greylist tal-Financial Action Task Force.

F’intervista waqt il-programm Dritt għal Punt fuq Net Television, Bernard Grech saħaq li f’dan il-mument il-poplu Malti u Għawdxi, flimkien mad-diversi setturi u negozji għandu bżonn lil min jigwidah u jnissilu tama..wara li illum ġarrbu deċiżjoni li taffettwa l-pajjiżna.

Dan filwaqt li għal darb’oħra, b’umiltà stieden lill-Gvern, sabiex verament jingħaqad mal-Oppożizzjoni bil-għan li isem pajjiżna jerġa’ jkun fejn verament jixraqlu fl-iqsar żmien possibli.

Filwaqt li saħaq li din hija sitwazzjoni bla ebda preċedent  li qatt ma kellna għalfejn ninkwetaw biex naslu fdin is-sitwazzjoni, huwa saħaq li l-Gvern Malti spiċċa fuq il-greylist għaliex l-FATF mhux qed tafdah – huwa insista li illum għandna bżonn nifmhu li għandna problema li rridu nindirizzaw fl-immedjat.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li huwa jinsab fiduċjuż li b’ħidma magħquda fuq livell nazzjonali, flimkien mal-esperti u l-bqija tal-poplu din l-isfida nistgħu ngħelbuha kif għelibna sfida oħra fil-passat.

Bernard Grech saħaq jrid li jkun hemm ir-rieda politika li fejn hemm bżonn jittieħdu l-passi iebsin, jittieħdu l-għaliex mal-ħażin se jkun qed jibqa’ jeħel it-tajjeb.