Lokali

Id-deċiżjoni tal-FATF ma kinitx ġusta – Robert Abela

Skont il-Prim Ministru Robert Abela, id-deċiżjoni tal-FATF li tpoġġi lill-Gvern Malti fil-greylist ma kinitx waħda ġusta. Hu qal dan fl-ewwel reazzjoni tiegħu, matul konferenza tal-aħbarijiet, għal dak li rriżulta aktar kmieni matul il-jum.

Dan minkejja li Abela nnifsu kien qrib il-predeċessur tiegħu Joseph Muscat bħala konsulent fil-Kabinett sussegwentament wara l-perjodu li l-eks Ministru Konrad Mizzi u l-eks Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri fetħu tnejn mit-tliet kumpaniji sigrieti fil-Panama.

Minkejja dan hu qal li l-ħidma teknika li għamel il-Gvern tiegħu kienet effettiva…u li qatt ma ttieħdet deċiżjoni li affettwat il-familji Maltin u Għawdxin.

Sadanittant, mistoqsi mill-ġurnalisti, il-Prim Ministru għażel li ma jitlobx apoloġija lill-poplu għaċ-ċertifikat negattiv ieħor li rriżulta kawża tal-politika tal-Gvern Laburista

Intant il-Prim Ministru għażel li ma jweġibx dwar x’kienu r-raġunijiet għalfejn il-Gvern Malti tqiegħed fuq il-greylist tal-FATF.

Mistoqsi mill-ġurnalisti kif il-poplu jista’ jafda lill-istess nies li xeħtu lill-pajjiż f’din is-sitwazzjoni sabiex issa joħorġuh minnu…Robert Abela saħaq li din l-istqarrija hija waħda inġusta.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana qal li, minkejja t-tħassib li din is-sitwazzjoni tista’ ssarraf fl-ekonomija tal-pajjiż, se jibqa’ jkollna żieda fl-impjiegi. Dan filwaqt li insista li l-bidla mhux se tinħass mil-lum għal għada u li huwa proċess…iżda fl-istess waqt ta x’jifhem li dan is-suġġett tneffaħ mill-midja.

U filwaqt li ż-żewġ kelliema qalu li se ssir ħidma fuq skala nazzjonali, l-ebda wieħed minnhom b’mod skjett, b’risposta ta’ iva jew le, ma qal jekk il-Gvern hux se jkun qed jaċċetta l-istedina tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech biex jipparteċipa f’Task Force Nazzjonali.