Lokali Qorti

Il-Qorti ssib li saret diskriminazzjoni fil-konfront ta’ Christopher Bartolo

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni tagħha ta’ Qorti Kostituzzjonali iddikjarat li sabet tliet kapi ta’ ksur tad-drittijiet funadament fil-konfront ta’ Christopher Bartolo fejn ġie konfermat li dawn wasslu biex huwa spiċċa mċaħħad milli jkun fl-istess stat qabel ma huwa wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih dwar droga.

Kap ieħor kien li l-liġi ma kinitx qed tiddistingwi huwa bejn persuni li tressqu quddiem il-Qorti tad-Droga taħt l-att dwar id-dipendenza tad-droga u persuni li qegħdin jaffaċċjaw proċeduri legali fil-Qorti Kriminali. Ġie deċiż ukoll li l-unika ħaġa li kienet qed tiddetermina jekk il-każ kienx jinstema’ quddiem il-Qorti tad-Droga kienet l-ammont ta’ droga involuta fil-każ, li hija wkoll diskriminarorja.

Grazzi għal din is-sentenza dan il-fatt issa huwa applikabbli wkoll f’każ ta’ proċess ta’ ġuri. Kien hemm ksur ukoll minħabba t-teħid ta’ sqarrija saret mingħajr il-preżenza ta’ avukat. Din id-deċiżjoni ttieħdet wara li l-avukati ta’ Bartolo ppreżentaw proċeduri legali ġodda. Il-Qorti Kostituzzjonali kkonfermat li kien hemm ksur fid-drittijiet ta’ Bartolo li waslu biex huwa spiċċa mċaħħad milli jitpoġġa fl-istess stat qabel ma huwa wieġeb li ħati għall-akkużi miġjubin kontrih.

It-talba ta’ Chrisopher Bartolo mill-Fontana, Għawdex dwar ksur tad-drittijiet tal-Bniedem kienet milqugħa mill-Imħallef Toni Abela, fejn qal li Bartolo l-għandu jingħata l-istess trattament u rimedji li ngħataw lil Brian Vella f’każ identiku relatat ma’ traffikar ta’ droga.

Fil-15 ta’ Diċembru li għadda l-Prim Awla tal-Qorti Ċivili laqgħet talba ta’ Chrisopher Bartolo li kawża dwar ksur tad-drittijiet tal-Bniedem kellha tingħata l-priorità meħtieġa u l-ilment tiegħu jiġi deċiz mill-Qorti Kostituzzjonali qabel titkompla l-kawza fil-Qorti tal-Appell Kriminali Sede Superjuri.

Bartolo kien ammetta li ttraffika l-kannabis iżda kien qed jagħmel użu minnha biex itaffi mill-uġigħ, li skontu ma kienx jittaffa mill-pilloli li kienu qed jagħtuh. Dak inhar tal-15 ta’ Diċembru, f’deċiżjoni ta’ portata kbira mogħtija mill-istess Imħallef Toni Abela huwa kien qal li f’ċirkostanzi bħal dawn tali lment huwa ġustifikabbli u għalhekk l-ewwel għandu deċiż jekk kienx hemm ksur fil-konfront ta’ Bartolo.

F’April tal-2017 Bartolo kien ingħata sentenza ta’ ħames snin ħabs wara li ammetta li ttraffika l-kannabis meta huwa kien qed jagħmel użu minnha biex itaffi mill-uġigħ, uġigħ li skontu ma kienx jittaffa mill-pilloli li kienu qed jagħtuh. Aktar tard f’Novembru, l-Qorti Kostituzzjonali sabet li ċ-ċaħda lil Bartolo biex ikollu aċċess għal avukat waqt interrogazzjoni kienet kisret id-dritt tiegħu għal smigħ xieraq.

L-Imħallef Abela qal li sa fejn jirrigwarda l-artikolu 14 tal-Konvenzjoni dar smigħ xieraq ma jinkludiex biss dawk l-effetti li dejjem sagramentalment jissemmew, iżda jfisser ukoll li l-akkużat ma għandux ikun trattat b’mod differenzjali minn oħrajn fl-istess pożizzjoni. It-trattament differenzjali fih innifsu huwa ċ-ċaħda tal-artikolu 6 tal-Konvenzjoni. It-trattament jrid ikun mhux ġustifikat, mhux raġjonevoli jew sproporzjonat.

Christopher Bartolo kien qed jingħata l-kura akuta għall-mard tal-kliewi u kien inħareġ mill-ħabs fi Frar tal-2018 wara li l-President ta’ dak iż-żmien Marie Louise Coleiro Preca aċċettat il-parir tal-kabinett biex għal raġunijiet umanitarji, Bartolo jinħeles mill-arrest b’diversi kundizzjonjiet fosthom li jibqa’ f’daru ħlief b’eċċezzjonijiet partikulari għall-kundizzjoni tiegħu.

Fit-talbiet tiegħu li saru mill-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Francesca Zarb – Bartolo spjega l-ilmenti tiegħu fejn qal li jiddispjaċih li l-Qorti Kostituzzjonali fil-każ tiegħu filwaqt li kkonfermat li kien hemm ksur tad-drittijiet tal-bniedem tiegħu hija rrevokat dik il-parti tas-sentenza fejn ġiet ordnata li jitqiegħed fl-istess stat li kien qabel ma jwieġeb il-mistoqsija bħala għal jekk huwiex ħati jew le.

Kien qal ukoll li din id-deċiżjoni tikkuntrasta ma’ sentenza mogħtija ftit jiem wara mill-istess Qorti Kostituzzjonali li wasslet għal deċiżjoni differenti f’żewġ każijiet prattikament identiċi. Tenna li mhuwiex l-ispirtu tal-liġi li għandu jkun hemm diskriminazzjoni bejn jekk persuna għandhiex il-proċeduri pendenti quddiem il-Qorti Kriminali jew jekk għandhiex il-proċeduri pendenti quddiem il-Qorti tal-Maġistrati fir-rigward ta’ l-applikabilità jew le tal-Kapitolu 537.

Dan peress li l-liġi ma titkellimx dwar jekk persuna hijiex akkużata quddiem il-Qorti tal-Maġistrati jew il-Qorti Kriminali. Din titkellem biss dwar il-kwantità ta’ droga. Peress li l-każ quddiem il-Qorti Kriminali kien ibbażat biss fuq id-dikjarazzjonijiet mogħtija minn Bartolo, liema dikjarazzjonijiet kienu meqjusa li jiksru d-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Dan ukoll peress li ma kellu l-ebda assistenza legali jirriżulta li l-istess dikjarazzjonijiet ikkonfermati taħt ġurament quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli qed jiksru wkoll id-drittijiet fundamentali tiegħu.