L-AŻAD u l-Istituto Italiano di Cultura, flimkien mal-Klabb Kotba Maltin u s-Soċjetà Dante Alighieri (Malta) fakkru s-700 anniversarju mill-mewt ta’ Dante Alighieri.
L-Ambaxxatur għall-Italja f’Malta, Fabrizio Romano, mexxa ċerimonja ta’ tqegħid ta’ fjuri f’riġlejn il-monument iddedikat lil Dante Alighieri fil-Furjana. Il-fjuri tpoġġew ukoll minn Louis Galea, f’isem l- AŻAD, u minn Paul Borg Olivier, f’isem is-Soċjetà Dante Alighieri f’Malta.
Preżenti wkoll għaċ-ċerimonja kien hemm id-Direttur tal-Istituto Italiano di Cultura, Massimo Sarti, u l-President tal-Fondazzjoni Fortunato u Nerik Mizzi, Richard Muscat.
Sadanttant, dan l-anniversarju qed jiġi mfakkar ukoll bl-istampar mill-ġdid tat-traduzzjoni għall-Malti tad-Divina Commedia, xogħol Alfred Palma. Dan ix-xogħol sar mill-Klabb Kotba Maltin, fl-okkażjoni tal-50 sena mit-twaqqif tal-Klabb minn Pawlu Mizzi.
Dan qed isir wara idea li Richard Muscat ħaseb fi ħdan l-AŻAD u bi sħab mal-Istituto Italiano di Cultura u Klabb Kotba Maltin.
F’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, inqara messaġġ mill-awtur Alfred Palma, b’diskors tal-okkażjoni mill-President Emeritus Ugo Mifsud Bonnici. Inqraw ukoll siltiet mill-atturi Mikhail Basmadjan, Charlotte Stafrace, Paul Portelli u studenti tal-PhD mid-Dipartiment tat-Taljan tal-Università ta’ Malta.
Il-monument fil-Floriana hu xogħol oriġinali tal-iskultur Malti Vincent Apap u hu magħruf bħala wieħed mill-isbaħ monumenti ta’ Dante fid-dinja.
Preżenti wkoll għat-tqegħid tal-fjuri f’riġlejn il-monument kien hemm il-Professur Marius Zerafa, il-Professur Joe M. Brincat u l-Minority Leader fil-Kunsill Lokali tal-Furjana James Aaron Ellul.
//= $special ?>