Internazzjonali

Jinstab ħaj it-tfajjel ta’ sentejn li ntilef fl-Italja

Tfajjel ta’ sentejn li ntilef f’Mugello, fl-Italja, instab qawwi u sħiħ minn ġurnalist tar-Rai wara sigħat ta’ tfittxija f’niżla qalb bosk.

Nicola Tanturli instab aktar minn żewġ kilometri ‘l bogħod mid-dar tiegħu wara li għeb fil-lejl ta’ bejn it-Tnejn u t-Tlieta.

Mill-ewwel informazzjoni jidher li l-ġurnalista, Giuseppe di Tommaso, sema’ xi krib ġejjin minn qalb is-siġar u kien f’dak il-waqt li minnufih ċempel lil Carabinieri fejn l-uffiċjali niżlu mal-25 metru fond sabiex itellgħu lit-tfajjel ta’ 21 xahar.

Fil-post waslu minnufih il-ġenituri tat-tifel li ħadnuh magħhom, f’mument deskritt bħala wieħed kommoventi għall-aħħar.

S’issa mhux magħruf x’wassal sabiex it-tifel għeb madanakollu l-ewwel ipoteżi hi li t-tifel qam f’xi ħin mal-lejl ta’ bejn it-Tnejn u t-Tlieta, niżel mis-sodda, ħareġ mid-dar tal-familja tiegħu u ma rritornax.