Lokali Qorti

Jinżamm arrestat il-Belti li allegatament inqabad bil-kokaina valur ta’ €100,000 fil-karozza

Raġel ta’ 32 sena mill-Belt Valletta inżamm arrestat mill-Maġistrat Marse-Anne Farrugia wara li allegatament f’Birkirkara nqabad b’sustanza bajda, suspettata li hija droga kokaina, li l-valur fit-triq ilaħħaq madwar €100,000. Christian Scerri li wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih dik ta’ traffikar ta’ droga u pusses f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għal użu esklussiv tiegħu.

Huwa ġie mixli wkoll li kellu fil-pusses tiegħu ammont ta’ flus kontanti li x’aktarx ġejjin minn attività kriminali. Scerri ġie arrestat wara operazzjoni mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Drogi, assistiti minn membri tal-RIU b’rabta ma traffikar ta’ droga. Wara jiem ta’ sorveljanza tul il-jum tat-Tlieta wasslet sabiex l-uffiċjali waqfu vettura fi Triq Borg, f’Birkirkara fejn wara li saret tfittxija fil-karozza nstabet moħbija d-droga u ammont ta’ flus kontanti.

Ħareġ ukoll fil-Qorti li fil-karozza l-akkużat kellu ammont żgħir ta’ droga kannabis għal użu personali tiegħu. Huwa nqabad nhar it-Tlieta, bil-każ tkunb infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Natasha Galea Sciberras li ħatret inkjesta. Saret talba għal libertà proviżorja permezz tal-Avukati tiegħu Charles Merceica u Gianluca Caruana Curran li kienet miċħuda mill-Qorti, anke wara oġġezzjoni qawwija minn naħa tal-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Mark Anthony Mercieca u Stephen Ryan Micallef.