Lokali Qorti

Mhux milqugħa talba li jieħu l-flus lura ta’ karozza li tiswa’ €42,000 wara li daħallu gelgul ta’ ilma fiha

Il-Prim Awla ta’ Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Anna Felice ċaħdet it-talba ta’ sid ta’ karozza fejn talab li jaqa’ l-kuntratt tax-xiri tagħha u jieħu lura it-€42,000 li ħallas għaliha fl-2008, wara li daħallu kwantità ta’ ilma fiha. Il-Qorti qalet fis-sentenza tagħha li meta Mario Garaffa xtara l-karozza Ford Kuga din kienet f’kundizzjoni tajba. L-ilma daħal mill-‘windscreen’ bil-kawża ssir kontra Gasan Enterprises Limited.

L-ilment tiegħu kien li beda dieħel kwantità ta’ ilma mill-‘windsreen’ ta’ quddiem. Mill-provi rriżulta li minkejja li l-aġent ipprova jirranġalu l-ħsara l-ilma baqa’ dieħel u għalkemm talbu jagħtih lura l-flus li ħallas għaliha l-aġent ma qabilx.
Dan minħabba li bidillu l-‘windscreen’ wara li l-karozza kienet involuta f’inċident tat-traffiku u kien biss hawnhekk li huwa beda jilmenta dwar l-ammont ta’ ilma li kien qed jiskula ġewwa. Garaffa qal li kien qed isuq Sqallija meta l-‘windscreen’ intlaqat minn żrara u xxaqqaq.

Kompla li l-aġent ordna ‘windscreen’ ġdid u bidilulu imma meta l-impjegat kien qed jagħmillu s-‘silicone’ laqat il-‘packing’ tal-lastiku li jservi bħala ‘seal’ biex iżomm l-ilma milli jidħol minn bejn il-‘windscreen’ u s-saqaf tal-vettura.
Garaffa kien qed jisħaq li ried isewwi l-karozza għand l-aġent tal-Ford fi Sqallija u li l-aġent lokali jħallaslu l-ispejjeż imma dan tal-aħħar m’aċċettax u offrielu li jerġgħu jirranġaw il-‘windscreen’ u jibdlulu l-‘packing’ tal-lastiku.

Hekk sar imma li ġara kien li din id-darba l-ilma daħallu minn post differenti fil-‘windscreen’ u allega li l-aġent ma ramax il-karozza kif suppost. Il-kumpanija Gasan ċaħdet l-allegazzjonijiet ta’ sid il-karozza u nsistiet li l-lastiku tal-‘windscreen u l-‘windscreen moulding’ inbidlu għal raġunijiet kożmetiċi u mhux għax kien qiegħed jidħol l-ilma.

Il-Qorti qabdet Perit tekniku li evalwa x-xogħol u dan ikkonkluda li l-‘windscreen’ ma twaħħalx b’mod professjonali u min kien inkarigat jagħmel is-‘silicone’ għamel wisq minnu f’ċertu postijiet u f’postijiet oħra m’għamilx biżżejjed.
Wara li semgħet liż-żewġ partijiet il-Qorti qalet li mill-provi rriżulta li meta Garaffa ngħatatlu l-vettura din kienet f’kundizzjoni tajba.

Kien biss wara li saru xi tiswijiet fuq il-‘windscreen’, minħabba l-inċident li ma kellux x’jaqsam miegħu l-aġent, li sar xogħol ħażin fil-lastiku ta’ bejn is-saqaf u l-‘windscreen’ li wassal għall-ħsara fil-vettura minħabba dħul tal-ilma. Il-Qorti għamlitha ċara li din hija kwistjoni li m’għandha x’taqsam xejn mal-kuntratt ta’ bejgħ tal-vettura li kien sar xhur qabel l-inċident tal-‘windscreen’ u kien għalhekk li ċaħditlu t-talba.