Ekonomija Kummerċ Lokali

“Nistieden lill-Gvern jingħaqad magħna biex inwaqqfu task force nazzjonali ħalli Malta terġa’ tkun fuq il-lista l-bajda” – Bernard Grech

Ritratt: Joseph Galea

“Ninsab dispjaċut ferm li pajjiżna tpoġġa fuq il-lista l-griża tal-Financial Action Task Force. Dan huwa kastig fuq il-poplu Malti kollu. Dan mhux il-mument li nerġa’ nfakkar għaliex wasalna s’hawn. Iżda l-mument li naħdmu għall-konsensus nazzjonali.”

Din kienet l-ewwel reazzjoni li għadda l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech wara li ħarġet l-aħbar li pajjiżna tpoġġa f’din il-lista l-griża. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista jrid inissel it-tama f’dawn is-setturi. Għaldaqstant Bernard Grech qed jistieden lill-Gvern li jingħaqad mal-Oppożizzjoni biex jitwaqqaf task force nazzjonali sabiex Malta terġa’ kutn fuq il-lista l-bajda fl-iqsar żmien possibbli. Huwa qal li l-FATF se terġa’ tiltaqa’ f’Ottubru, u Malta trid terġa’ tkun
fuq l-aġenda – din id-darba biex pajjiżna jerġa’ jmur fuq il-lista l-bajda.

Bernard Grech kompla jgħid li dan jista’ jsir jekk naħdmu flimkien fuq livell nazzjonali bil-parteċipazzjoni taz-żewġ naħat tal-kamra, filmkien mal-imsieħba u esperti fil-qasam finanzjarju sabiex tkun implimentata b’mod aktar konvinċenti u b’konsensus nazzjonali l-action plan tal-FATF, biex tkun limitata l-ħsara fit-tul fuq l-ekonomija Maltija.

Il-Kap tal-PN kompla jgħid li jinsab fiduċjuż li flimkien, bħala poplu, din l-isfida nistgħu ngħelbuha, kif għelibna l-isfidi l-kbar tal-imgħoddi. Il-Partit Nazzjonalista, bħala gvern alternattiv, iwiegħed lill-poplu Malti u Għawdxi li dejjem itejjeb ir-reputazzjoni ta’ Malta billi tassew iżid it-transparenza, jippromwovi l-integritá, iżid l-iskrutinju, u titbiddel il-mentalitá fl-ogħla istituzzjonijiet tal-pajjiż.