Charles Camenzuli
Fattur importanti fil-qafas tal-organizazzjoni EURO 2020 huwa marbut mad-doping. L-isfida għal UEFA tibqa’ l-ġlieda biex il-kompetizzjoni tkun nadifa 100% minn kull każ. Għal kompetizzjoni tfassal programm fejn plejers mill-24 tim fil-fazi finali kienu u jibqgħu soġġetti għal testijiet kemm qabel, waqt u wara l-kompetizzjoni.
Il-programm kontra d-doping fiħ testijiet kemm fid-demm u kemm fl-urina ta’ kull plejer b’koperazzjoni mal-agenziji anti-doping fil-pajjiż rispettiv ta’ kull tim .
F’kull partita mill-51 fil-programm ta’ logħob mill-anqas żewġ plejers minn kull tim qed jintgħażlu biex jittieħdilhom kampjun tad-demm u urina. Test jista’ wkoll ikun mitlub fi ġranet meta m’hemmx logħob.
Testijiet analizzati minn laboratorji akkreditati mill-WADA u jibgħu ffriżati għal għaxar snin f’każ li jkun meħtieġ li jsiru testijiet ulterjuri.
Forsi ftit jafu li ġranet qabel il-ftuħ tas-16 l-Edizzjoni tal-Kampjonat tal-Ewropa erba’ u għoxrin tabib, wieħed minn kull federazzjoni ffirmaw stqarrija li kollha huma konformi mal-ġlieda tal-UEFA kontra d-doping.
Ma jfissirx li ma kienx hemm kritika lil hinn minn proġett anti-doping li jidher perfett .L-akbar kritika fil-konfront tar-Russja u jekk dawn kellhomx id-dritt jikkompetu fil-fażi finali jew le. Ir-raġuni tibqa’ wara li l-Agenzija Dinjija kontra d-Doping fl-isport (WADA) baqgħet iebsa fid-deċiżjoni li r-Russja ma tkunx preżenti fl-Olimpijadi u Kampjonati tad-Dinja.
Kritika oħra li b’xi mod spiċċat taħt it-tapit kienet rigward l-attakkant tal-Ukrajna Arten Biesiedin li f’Mejju 2020 kien pożittiv għad-doping wara l-partita mill-Europa League bejn Dynamo Kiev u Malmo. Weħel sena sospenzjoni. Il-Euro2020 ma sarx fl-2020 minħabba l-Covid-19 bid-differenza li Biesiedin seta’ jikkompeti din is-sena.
Litteralment salvat bil-pandemija !
//= $special ?>