Internazzjonali

RENJU UNIT-RUSSJA:Jiċħdu dwar tiri ta’ twissija viċin bastiment tal-gwerra Britanniku

Ir-Renju Unit qed jiċħad rapporti tar-Russja li l-militar Russu spara titjiriet ta’ twissija fid-direzzjoni ta’ bastiment tal-gwerra – destroyer – tan-Navy Britanniku  li kien għaddej fil-Baħar l-Iswed.

Il-Ministeru tad-Difiża f’Moska kien ikkwotat li l-bastiment HMS Defender daħal fl-ibħra territorjali tar-Russi viċin il-Krimea u li vapur tal-qawwiet tal-baħar tar-Russja spara t-titjiriet ta’ twissija anki waqt li ajruplan militari Russu ‘tefa’ il-bombi fl-istess rotta tal-HMS Defender.

Madankollu, il-Ministeru tad-Difiża f’Londra insista li ma kienu sparati l-ebda tiri ta’ din ix-xorta u li d-destroyer kien qed jivvjaġġa mill-ibħra tal-Ukrajna.

Is-Segretarju tad-Difiża Britanniku, Ben Wallace, ħareġ stqarrija li ‘l-HMS Defender, waqt li għaddej bi vjaġġ ta’ rutina, kien daħal f’rotta għat-traffiku tal-vapuri li hi rikonoxxuta fuq livell internazzjonali’. Hu kompla li l-vapuri tar-Russja segwew ir-rotta tad-destroyer, bl-ekwipaġġ Britanniku jkun infurmat dwar ‘l-eżerċizzji tat-taħriġ li kienu għaddejjin fil-viċinanzi’.

Il-Ministeru f’Londra kompla li r-Russi, dak il-ħin, kienu għaddejjin bl-eżerċizzji ta’ artillerija fil-Baħar l-Iswed u li huma taw twissija minn qabel dwar l-attivitjiet tagħhom. L-istqarrija konkludiet ‘li ma kien hemm l-ebda tiri diretti lejn l-HMS Defender’ u li r-Renju Unit ma jirrikonoxxix ‘ir-rapporti li ntefgħu l-bombi fiz-zona tal-vapur’.

Intant, ir-Russja qalet li l-inċident seħħ lejn in-nofsinar tal-Krimea u li ‘il-bastiment tar-Renju Unit, imbagħad, kellu jibdel ir-rotta’.

Ir-Russja, fl-2014, kienet ħatfet il-penisola tal-Krimea lill-Ukrajna u għaqqditha mat-territorju tagħha — iżda s-sovranità ta’ Moska fuq il-Krimea mhix qed tkun rikonoxxuta fuq livell internazzjonali.

Sadanittant, l-aġenzija tal-aħbarijiet Russa Interfax qalet li l-attache tad-difiża mal-Ambaxxata Britannika f’Moska, fl-aħħar sigħat, issejjaħ għal taħditiet fil-Ministeru ta’ Moska.