Lokali

Sewwieq ta’ mutur ta’ 17-il sena jweġġa’ fir-Rabat

Sewwieq żagħżugħ ta’ mutur weġġa gravi u kellu jittieħed l-isptar wara li kien involut f’inċident tat-traffiku.

L-inċident seħħ ilbieraħ filħaxija fis-6.00pm, bil-Pulizija tiġi mitluba tassisti fi Triq il-Ħobbejza, r-Rabat.
Mill-ewwel investigazzjonijiet tal-Pulizija rriżulta li kienet seħħet ħabta bejn karozza Toyota Starlet misjuqa minn raġel ta’ 32 sena, residenti Ħad Dingli u mutur Kentoya, li kien qed jinstaq minn ġuvni ta’ 17-il sena residenti r-Rabat.

B’konsegwenza tal-impatt, karozza tat-tip Mercedes li kienet ipparkjata fil-qrib ġarrbet xi ħsarat.

Il-ġuvni ta’ 17-il sena kien assistit minn tim mediku li mar fil-post filwaqt li ambulanza ħaditu l-Isptar Mater Dei
għal aktar kura. Aktar tard, huwa ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.