Coronavirus Lokali Saħħa

COVID-19: 3 każi ġodda… ifiqu 2 persuni

Fl-aħħar sigħat pajjiżna rreġistra 3 każijiet ġodda ta’ Covid-19, filwaqt li fiequ 2 persuni… bl-ammont ta’ każijiet attivi huwa dak ta’ 27. Dan filwaqt li ma kienu rappurtati ebda mwiet… bl-ammont ta’ vittmi li ħalliet din il-pandemija fil-gżejjer Maltin jibqa’ dak ta’ 420.

Sal-Erbgħa ingħataw 640,729 doża tal-vaċċin kontra l-COVID, b’aktar minn 299,000 persuna huma mlaqqma b’ mod sħiħ.

Mill-bidu ta’ din il-panedmija… f’Marzu tal-2020 … kienu reġistrati 30,598 każ ta’ dan il-virus filwaqt li fiequ 30,151 persuna.

Intant madwar 7,000 persuna f’pajjiżna mistennija jieħdu t-tieni doża tal-vaċċin tal-AstraZeneca qabel pjanat. Dan bħala prekawzjoni kontra l-varjant Indjan magħruf bħala Delta, hekk kif dan il-varjant jinxtered iktar malajr.   

L-awtoritajiet tas-saħħa Maltin qalu li l-perjodu ta’ għaxar ġimgħat bejn doża u oħra issa se jkun imnaqqas għal tmien ġimgħat.

Malta mhux l-uniku pajjiż li ħadet din id-deċiżjoni hekk kif fl-aħħar jiem anke l-Irlanda rrapurtat li t-tieni doża tal-AstraZeneca se tkun qed tingħata qabel il-perjodu stipulat.