Lokali

“Dan mument li rridu naraw kif flimkien nistgħu tassew nimxu ‘l quddiem” – Bernard Grech

“Mhux se nieqaf u ngħid li pajjiżna spiċċa fil-lista l-griża tort tal-Gvern Laburista, dan kulħadd jafu, dan mument li rridu naraw kif ilkoll flimkien nistgħu tassew nimxu ‘l quddiem u biex noħorġu mill-greylist u biex pajjiżna jikseb lura r-reputazzjoni tiegħu” – Kien dan il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha kien akkumpanjat mill-Grupp Parlamentari tal-PN.

Bernard Grech saħaq li “sakemm Malta tibqa’ fuq din il-lista, mhux se jbati l-Prim Ministru, imma se jbatu l-Maltin u l-Għawdxin kollha. Il-Kap tal-PN reġa’ appella biex minnufih tinħoloq task force nazzjonali, biex flimkien noħorġu minn din is-sitwazzjoni li ninsabu fiha.

F’messaġġ lill-Maltin u l-Għawdxin li jinsabu inkwetati, meta ilbieraħ raw Prim Ministru li għadu jipprova jaħbi l-problema, Bernard Grech saħaq “għamlu kuraġġ għax quddiemkom hawn PN, hawn Kap tal-Oppżizzjoni li mhux biss irid jisma’ imma jrid jindirizza l-isfidi bis-serjeta għaliex pajjizna jixraqlu aħjar u għandu bżonn li jitneħħa mill-aktar fis possibi minn din il-lista l-griża.” Hu reġa’ appella lil Robert Abela biex jaħdmu flimkien għal ġid tal-poplu kollu għaliex dan il-mument jirrikjedi professjonalità nazzjonali u mhux suppervja. “Hemm bżonn li nagħtu każ il-pariri tal-esperti, hemm bzonn li nikkomunikaw u nidjalogaw mal-imsieħba soċjali biex insibu soluzzjoni li twassalna fejn jixirqilna, l-interess nazzjonali għandu jiġi l-ewwel u qabel kollox.”

Il-Kap tal-PN qal: “b’umiltà u b’responsabiltà, b’imħabba vera jien qiegħed hawn, il-PN kollu qiegħed hawn, lesti biex noħorgu jdejna biex flimkien, esperti u politici ta’ rieda tajba noħorġu lil pajjizna min dan il-mument diffiċli.” Bernard Grech spjega li l-Partit Nazzjonalista, se jkompli, kif għamel dejjem, jaħdem biex isem pajjiżna jitnaddaf, ħidma għall-ġid tal-pajjiż.”

Bernard Grech qal li f’dan il-mument hemm bżonn li nelevaw il-politika fuq livell ta’ maturita u serjetà kif ilu jipprova jagħmel b’mod ċar fl-aħħar xhur. “Sfortunatament, għad hemm politiċi li jaħsbu li l-battibekki bejn il-politiċi għall-gallarija huma ta’ konsum pubbliku u li jġibu xi tip ta’ ġid għall-pajjiż. Din żgur ma tistax tkun it-triq ‘il quddiem. Irridu nġibu lil kulħadd madwar il-mejda tad-djalogu biex hemmek flimkien tasew inkunu nistgħu naffaċjaw din l-isfida.”

Din il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija u Servizzi Finanzjarji, Kristy Debono u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Mario Demarco.

Kristy Debono spjegat kif taħdem l-FATF u xi tfisser meta pajjiż jiġi greylisted fejn saħqet li dan ikun ifisser vot ta’ sfiduċja fit-tmexxija tal-pajjiż. Id-Deputat tal-PN fakkret kif l-FATF twaqqfet lejn l-aħħar tas-snin 80 u għal dawn l-aħħar 30 sena dejjem konna suġġetti għal evalwazzjoni iżda qatt qabel issa, ma konna f’riskju li nkunu greylisted. “Aħna diżappuntati u xxukjati. Irridu nerġgħu, inġibu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna.”

Mario Demarco spjega kif Robert Abela falla l-ewwel test veru tiegħu, dak li jikkonvinċi lill-pajjiżi tal-FATF. “Ta’ dan hemm konsegwenzi politċi u ekonomiċi.” Hu spjega kif il-vuċi ta’ Malta se tkun iddajfet fuq livell ewropew għaliex il-vuċi ta’ pajjiżna ħadet daqqa serja. Tkellem ukoll dwar l-impatt ekonomiku, fejn saħaq li se jkun hemm riperkussjonijiet bankarji, li taffetwa wkoll il-fiduċja tal-investitur f’pajjiżna. “Meta r-reputazzjoni tagħna tiġi affetwata l-ekonomija ta’ pajjizna u mhux biss is-settur finanzjarju, ikunu affetwati. “Din hija problema nazzjonali għaliex il-ħaddiema Maltin u Għawdxin se jħallsu għaliha.”