Lokali Qorti

Eks Pulizija mhux ħati li ħa vantaġġ f’każ fejn f’Malta nġiebu nisa Russi għall-prostituzzjoni

Dak li kien Kuntistabbli tal-Pulizija ma nstabx ħati li lura fl-2004 huwa kien qed jieħu xi vantaġġ mill-pożizzjoni tiegħu, meta kien jingħata xi benefiċċji minn persuna oħra li kien ġie kundannat 11-il sena ħabs, biex f’Malta jiddaħħlu numru ta’ nisa Russi għall-prostituzzjoni.

Kevin Amato minn San Ġwann ma nstabx ħati mill-Maġistrat Marse-Anne Farrugia li huwa kien ta’ spalla għal raġel li kien isakkar nisa ġejjin mill-Lvant tal-Ewropa u jisfurzahom imorru mal-irġiel. F’dan il-każ li fih Raymond Mifsud kien instab ħati sakemm kien tkisser ċirku internazzjonali wara li waħda mit-tfajliet kienet ċemplet lil ommha u spjegatilha x’kien qed jiġri.

L-omm kienet għamelt kuntatt mal-Pulizija u mill-istħarriġ li kien sar irriżulta li allegatament kien hemm Pulizija li b’xi mod kien involut fil-każ. Amato għall-ewwel kien qed jiġi mixli li bejn Awwissu 2003 u Ġunju 2004, assoċja ruħu ma’ xi persuna jew persuni f’ Malta jew barra minn Malta bil-għan li jagħmlu delitt f’Malta, f’dan il-każ traffikar ta’ persuni adulti, bil-għan li jiġu sfruttati ghall-prostituzzjoni. Dawn l-akkużi iżda kienu waqgħu.

L-akkuża fil-konfront tiegħu kienet li għen jew assista lil Raymond Mifsud u dan meta bħala uffiċjal jew impjegat pubbliku, talab, irċieva jew aċċetta għalih rigal jew wegħda li għalihom huwa ma kellux dritt, u li bħala uffiċjal jew impjegat pubbliku sar ħati ta’ reat li huwa kellu jissorvelja li ma jsirx, anzi minħabba l-kariga tiegħu huwa kellu d-dmir li jimpedixxi.

Mill-provi rriżulta li l-imputat fiż-żmien in kwistjoni kien uffiċjal tal-Pulizija stazzjonat l-Għassa tal-Pulizija fl-Ajruport ta’ Malta. Irriżulta mix-xhieda li Raymond Mifsud avviċinah sabiex “jirrangalu” biex idahhal tfajliet Russi f’Malta għal skopijiet ta’ prostituzzjoni u traffikar.

Mifsud kien jikkuntattja lill-imputat biex jiltaqgħu u jgħidlu l-ismijiet tat-tfajliet li kienu se jiġu mir-Russja, sabiex l-imputat jassigurah li ma jkollhomx diffikultajiet mal-awtoritajiet tal-immigrazzjoni biex jidħlu Malta. Dan seħħ madwar ħames darbiet fuq medda ta’ disa’ xhur, u kienu jiġu żewġ tfajliet kull darba.

Mifsud qal li kien jagħti lill-imputat xi Lm50 kull darba li kien juża s-servizzi tiegħu. Mill-provi rriżulta wkoll li l-imputat għen lil Mifsud biex isib xerrej għal tfajla Russa, li Mifsud ried ibiegħ. L-imputat sab xerrej u ħa t-tfajla għand dan ix-xerrej. Pero dan ix-xerrej ma ħallasx il-prezz kollu miftiehem, u nqala’ diżgwid fuq din il-kwistjoni bejn l-imputat u Mifsud.

Il-Qorti qalet li mill-provi prodotti mill-Prosekuzzjoni ma jirriżultax li l-imputat aċċetta li jgħin lil Mifsud biex idaħħal nisa Russi għal skopijiet ta’ traffikar u prostituzzjoni, u li talbu xi l-flus li irċieva mingħandu, u l-fatt li l-imputat għen lil Mifsud biex ibiegħ mara Russa, ma jikkostitwux abbuż tal-funzjonijiet għall-kariga tiegħu ta’ Kuntistabbli tal-pulizija.

Mill-provi ma jirriżultax li l-imputat talab u/jew irċieva xi flus taħt il-libsa jew il-kariga tiegħu. F’ebda mument l-imputat ma ppreżenta lilu nnifsu li kellu xi kariga li kienet tattribwilu xi awtorità li jesiġi flus għal dawn “is-servizzi”.

Fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet fuq esposti, il-Prosekuzzjoni ma irnexxiliex tipprova l-ezistenza ta’ l-elementi kollha tar-reat li huwa ħa xi ħaġa li ma kellux dritt għaliha bħala uffiċajl pubbliku. Għal dawn ir-raġunijiet huwa ma nstabx ħati u ġie lliberat. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Louise Calleja.