Futbol Sport

ESKLUSSIVA | Andrew Hogg se jirtira mill-futbol milgħub

Il-paġna ta’ Replay (Net Television) tista’ jikkonferma, li wara li fil-jiem li għaddew, Hogg inħall mill-kuntratt tiegħu bħala gowlkiper ta’ Birkirkara F.C., l-eks gowlkiper internazzjonali Malti, mhux se jkompli jilgħab il-futbol iżda se jkun qed jassumi rwol importanti fi ħdan iċ-Ċentru Tekniku tal-Malta Football Association – 1900, bħala Mental Performance Coach kif ukoll kowċ tal-gowlkipers tat-tim nazzjonali ta’ taħt id-19-il sena.

Hogg, li għandu 36 sena, lagħab 67 darba mat-tim nazzjonali Malti. Hu rebaħ tliet Kampjonati f’Malta, tnejn ma’ Valletta Football Club u wieħed ma’ Hibernians F.C., darba l-FA Trophy u tliet darbiet is-Super Cup. Sal-lum, Hogg hu wieħed mill-aqwa gowlkipers Maltin ta’ suċċess ta’ kull żmien, fejn lagħab barra minn Malta. L-ewwel lagħab ma’ F.C. BARI 1908 fl-Italja, u aktar ‘il quddiem matul il-karriera tiegħu, hu lagħab ukoll fl-għola diviżjoni ta’ Ċipru, għal staġun wieħed, ma’ Enosis Neon Paralimniou FC u wara lagħab għal tliet staġuni konsekuttivi fis-Super League Grieg ma’ Kalloni FC.

F’Malta, Hogg beda’ il-karriera tiegħu ma’ Pieta’ Hotspurs FC. Eventwalment hu lagħab ukoll ma’ Valletta Football Club, fejn possibilment kellu l-aqwa żmien tiegħu f’Malta, Hibernians F.C. u aktar riċenti Birkirkara F.C.F’dawn l-aħħar snin, Hogg kien qed jistudja s-suġġett tal-psikoloġija sportiva; settur li f’Malta ftit huma n-nies li huma mħarġa u mgħalma fiħ. L-aħbar ta’ Hogg għadha mhux uffiċjali, iżda mistennija ssir uffiċjali fil-jiem li ġejjin.