Lokali

F’24 siegħa: Iktar minn €50,000 misruqa wara li waqgħu għal messaġġi qarrieqa

Aktar minn 400 rapport f'madwar xahrejn

Fl-aħħar 24 siegħa, il-Pulizija rċeviet numru rekord ta’ madwar 40 rapport minn persuni li waqgħu għal messaġġi qarrieqa biex inġibdu mill-kontijiet personali ftit iktar minn €50,000.

F’dawn l-iscams, il-kriminal qiegħed juża’ entitajiet lokali, bħal operaturi postali jew notifika bankarja, biex jagħmel gwadann personali.

Il-Pulizija bdiet tirċievi rapporti dwar dawn l-iscams sa mill-aħħar ġimgħa ta’ April. Sal-lum, is-Cyber Crime Unit, fi ħdan il-Korp tal-Pulizija intalab jagħti assistenza teknika f’aktar minn 400 rapport u l-ammont globali li nġibed minn kontijiet bankarji huwa ta’ madwar €400,000.

Il-Pulizija mill-ġdid qiegħda tappella lill-pubbliku biex joqgħod attent meta jirċievi messaġġ u ma jgħaġġilx biex jagħfas fuq il-link li jirċievi u jagħti informazzjoni privata. Jekk wieħed jifli mill-qrib il-link li tintbagħat jinnota li l-indirizz tal-website, magħruf aħjar bħala l-URL, mhuwiex ġenwin għalkemm l-indirizz tal-website huwa simili ħafna tal-kumpanija li qiegħda tintuża mill-kriminali u meta tagħfas fuqu, jieħdok lejn sit elettroniku falz.

Persuna li sfat vittma permezz ta’ dawn it-tip ta’ scams għandha tinnotifika lill-bank tagħha minnufih dwar it-tranżazzjonijiet mhux awtorizzati li seħħew u jsir rapport mal-Pulizija.