Internazzjonali

Greċja: Qassis miżmum taħt arrest wara li attakka lill-Isqfijiet Ortodossi bl-aċtu

Il-pulizija f’Ateni qed iżommu taħt arrest lil qassis li attakka seba’ isqfijiet tal-Knisja Griega Ortodossa bl-aċtu. L-attakk seħħ waqt smigħ dixxiplinarju kontra l-qassis, li għandu 36 sena, u meta l-isfqijiet kienu qed jiddiskutu jekk għandhomx ineħħulu s-saċerdozju minħabba li l-qassis, allegatament, kien involut f’reat kriminali marbut mat-traffikar ta’ droga.

Qed ikun allegat li l-qassisi inkwistjoni f’Ġunju tal-2018, kien inqabad fil-pussess ta’ 1.8 gramma kokaina.

Tlieta mill-isqfijiet li ntlaqtu bl-aċtu waqt l-attakk spiċċaw l-isptar fejn, fl-aħħar sigħat, kienu qed jingħataw trattament għall-ħruq f’wiċċhom. Intant, iddaħħal ukoll l-isptar uffiċjal tal-pulizija li kien ipprova jsalva lill-isqfijiet mill-attakk. Il-Ministru tas-Saħħa Grieg, Vassilis Kikilias, żar lill-vittmi l-isptar u kkonferma li wieħed minnhom irid jgħaddi minn proċess ta’ kirurġija plastika.

Il-President tal-Greċja, Katerina Sakellaropoulou, ikkundannat l-attakk waqt li l-Prim Ministru Grieg, Kyriakos Mitsotakis, iddiskuta l-każ mal-Kap tal-Knisja Griega, Ieronymos II li hu l-Arċisqof ta’ Ateni.

Waqt id-diskursata, Mitsotakis  aċċerta lill-Arċisqof li l-Istat għandu joffri l-għajnuna medika kollha possibbli lill-vittmi ta’ dan l-attakk.