Internazzjonali

Il-Belġju tagħlaq l-aċċess għat-turisti Brittaniċi

Diversi turisti Brittaniċi se jkollhom jistennew biex jieħdu vaganza fil-Belġju, hekk kif il-Gvern Belġjan iddeċieda li jpoġġi lir-Renju Unit fuq il-lista bit-titlu ‘inkwetanti ħafna’. Dan seħħ wara li diversi rapporti mir-Renju Unit qegħdin jimmarkaw li l-varjant Indjan imsejjaħ Delta qed jinfirex bla kontroll madwar ir-Renju Unit.

Dan ifisser li t-turisti u ċittadini Belġjani li ġejjin lura mir-Renju Unit se jkollom joqgħodu ġimagħtejn kwarantina, filwaqt li dawk li m’għandhomx ċittadinanza Belġjana mhux se jitħallew jidħlu fil-Belġju mir-Renju Unit.

Il-Ministru Belġjan tas-Saħħa Frank Vandenbroucke iddikjara “li din ma kinitx deċiżjoni faċli”, madankollu hu qal li hi r-responsabilità tagħhom li jipproteġu lill-poplu Belġjan mill-varjant li ħakem lir-Renju Unit.