Lokali

“Il-greylisting se jħalli impatt negattiv fuq l-ekonomija u r-reputazzjoni tal-pajjiż” – Il-Kamra tal-Kummerċ

Il-Kamra tal-Kummerċ qed tappella biex il-partijiet interessati ewlenin kollha fil-pajjiż jingħaqdu flimkien, janalizzaw l-implikazzjonijiet u jfasslu pjan ta’ azzjoni ċar dwar kif nimxu ‘l quddiem wara r-riżultat diżappuntanti tal-evalwazzjoni tal-Financial Action Task Force (FATF). Il-Kamra saħqet li issa ninsabu fi stadju fejn irridu nikkonvinċu lill-FATF biex nitneħħew mill-greylist fl-inqas żmien possibbli.

Fi stqarrija iċ-Chamber qalet li r-riperkussjonijiet tal-greylisting mill-FATF se jwasslu għal impatt negattiv fuq bosta setturi importanti tal-ekonomija u fuq ir-reputazzjoni tal-pajjiż. Huma fakkru kif l-ispiża tal-konformità tal-qafas regolatorju ta’ kontra l-ħasil ​​tal-flus (AML), li issa huwa iktar rigoruż minn ħafna ġurisdizzjonijiet oħrajn, qed tinġarr mis-settur tas-servizzi finanzjarji Maltin. “L-ispejjeż tal-greylisting jitħallsu mill-ekonomija kollha sakemm nibqgħu b’dan l-istatus.”

Il-Kamra tal-Kummerċ kompliet tinsisti li s-suċċess jista’ jinkiseb biss billi jkun hemm sforz unifikat effettiv. “Il-benesseri ekonomiċi tal-pajjiż jeħtieġ li jiġu l-ewwel f’mument daqshekk delikat; il-maturità politika fi żmien ta’ kriżi hija kruċjali filwaqt li l-interessi personali, settorjali u partiġġjani għandhom ikunu sekondarji.”

L-istqarrija kompliet tgħid li “ċ-ċavetta biex inbiddlu din is-sitwazzjoni, hija billi tgħaqqad il-forzi biex tinforza l-qafas eżistenti u jkollna sistemi ta’ monitoraġġ effettivi biex jissalvagwardjaw il-ġurisdizzjoni tagħna.”

Iċ-Chamber temmet tgħid li se taħdem mal-partijiet kollha biex tiżgura li jitfassal pjan ta’ azzjoni li jirrispondi b’mod kostruttiv u diliġenti għas-sitwazzjoni, biex jiżgura li r-reputazzjoni tal-pajjiż terġa’ tiġi restawrata.