Lokali Qorti

Il-kumpilazzjoni dwar il-qtil doppju f’Tas-Sliema riesqa lejn tmiemha

Il-kumpilazzjoni dwar il-qtil doppju f’Tas-Sliema, bil-vittmi tal-omiċidju jkunu t-tabib Christian Pandolfino ta’ 58 sena u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski ta’ 30 sena, li nqatlu kiesaħ u biered fid-dar fi Triq Locker fit-18 ta’ Awwissu tas-sena l-oħra għall-ħabta tal-10.15pm. riesqa lejn tmiemha.

L-akkużati Jesper Kristiansen u Victor Dragomanski jinsabu għaddejjin proċeduri quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud b’mod separat filwaqt li l-każ ta’ Muka qed jinstema’ mill-Maġistrat Nadine Lia. Il-Prosekuzzjoni baqala’ biss ftit detalji żgħar bħal firem u korrezzjonijiet fejn il-Maċedonjan Dragomanski ta’ 37 sena li jaħdem bħala ‘bouncer’, Muka, Albaniż ta’ 26 sena li ma kellux impieg u Jesper Kristiansen, Daniż ta’ 31 sena li kien jaħdem fis-settur tal-gaming qegħdin jiġu akkużati bil-qtil tal-koppja.

Fil-każ xehed Angelo Bucolo, l-impjegat ta’ Dolce Sicilia, li jinsab fi Triq Marina tas-Sliema, fejn Kristiansen allegatment daħal jitlob il-wifi password biex jibbukkja taxi wara li seħħ id-delitt. Bucolo ftakar f’dik l-okkażjoni u ġie muri r-ritratti. Filwaqt li kkonferma li jiftakar l-episodju, qal li għaddiet issa kważi sena u mhuwiex jaraf il-persuna li kienet daħlet fil-ħanut. Huwa xehed fil-konfront tat-tliet akkużati.

Fil-każ ta’ Muka xehed ufiċjal tal-Pulizija li kkonferma rapport li huwa ġie muri. Is-Supretendent James Grech wieġed mill-uffiċjali li qeds immexxu l-Prosekuzzjoni kien qal fil-Qorti, li waslu għat-tliet suspettati mill-investigazzjonijiet li saru, fost oħrajn minn diversi filmati ta’ cameras tas-sigurtà.

Mill-investigazzjoni rriżulta li kien hemm żewġ persuni fir-residenza qabel kienu sparati t-tiri u dawn kienu Daniel Muka u Jesper Kristiansen. Filwaqt li Victor Dragomanski baqa’ fil-karozza barra. Christian Pandolfino kellu 12-il ferita, fosthom balal f’qalbu, f’għonqu u fl-istonku. Balla oħra għaddiet mill-kranju. Igor Maciejowski ntlaqat minn balla waħda u kellu ferita fid-dħul u oħra tal-ħruġ. Il-ġrieħi juru li Pandolfino ntlaqat aktar mill-viċin minn Maciejowski.

Viktor Dragomanski kien qal lill-Pulizija li ż-żewġt irġiel l-oħra irrovinawlu ħajtu f’erba’ minuti. Kien qal li ż-żewġ akkużati l-oħra kienu marru fuqu biex jgħinhom “fuq biċċa xogħol,” li hu aċċetta mingħajr ma staqsa x’kienet. Kien qal li beda jinkwieta meta nduna li wieħed mill-irġiel l-oħra kien qed iġorr arma tan-nar. Tenna li dakinhar kien miexi bil-kelb f’Tas-Sliema meta Muka waqaf ħdejh bil-karozza (li kienet misruqa u li ntużat biex ħarbu minn fuq ix-xena tad-delitt) u qallu li kellu biċċa xogħol u xtaqu li jgħinu fiha.

Huwa qal lill-Pulizija li ħa l-kelb id-dar u mar maż-żewġt irġiel l-oħra. Kien qal ukoll lill-Pulizija li kien taħt xokk. Ammetta li kien hu li saq il-karozza u kien hu li għen lil Muka biex ibiddlu l-pjanċi tar-reġistrazzjoni. Għal Muka qed jidhru l-Avukati Noel Bianco u George Anton Buttigieg, għal Kristiansen qed jidher l-Avukat Stefano Filletti filwaqt li għal Dragomanski qed jidher l-Avukat Joe Brincat. L-Avukat Joe Giglio qed jidher f’isem il-vittmi. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent James Grech u l-Ispettur Colin Sheldon.