Lokali

Il-Malti mhux se jinqered daqshekk malajr – 97% iqisuh bħala l-ewwel lingwa

Minkejja li ħafna jaħsbu li fl-aħħar snin il-lingwa Maltija ħadet daqqa ta’ ħarta, u l-Ingliż ta l-ġenb lil-lingwa tagħna… dan mhuwiex minnu.

Fil-fatt, 97% minn fost 1,025 persuna li ġew intervistati fi stħarriġ illi sar dan l-aħħar iqisu l-Malti bħala l-ewwel lingwa tagħhom.

L-istħarriġ sar mill-Kunsill Nazzjonali tal-ilsien Malti u d-Dipartiment tal-Malti fl-Università, flimkien mal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fejn ipparteċipaw ċittadini Maltin ta’ bejn 18 u 80 sena …illi gew intervistati dwar l-użu tal-Malti u l-Ingliż f’sitwazzjonijiet soċjali differenti.

Minn dan l-istudju ħarġu tliet punti principali:

  1. Li l-Malti hu meqjus għal ħafna bħala importanti ferm għan-negozju u fil-post tax-xogħol;
  2. Li l-Maltin iridu iktar materjal bil-Malti;
  3. U l-bżonn li jiġi mtejjeb it-tisħiħ bejn l-Ingliż u l-Malti. Fil-fatt, qed issir ħidma biex ikun disponibbli ċekjatur bil-Malti.

Dan l-istħarriġ juri wkoll li l-Malti u l-Ingliż, iktar milli qegħdin f’kompetizzjoni, dawn jikkumplimentaw lil xulxin u jintużaw differenti f’ċirkostanzi differenti, bħal fil-kitba u fit-taħdit.