Lokali Parlament

Il-PN jagħti opportunità oħra lill-Gvern biex isir it-titjib meħtieġ fl-Awtorità tal-Artijiet

Kristy Debono,PN

Id-deputat Nazzjonalista Kristy Debono qalet li l-parteċipazzjoni tal-Oppożizzjoni fl-Awtorità tal-Artijiet hi opportunità oħra lill-Gvern biex isir it-titjib meħtieġ fl-Awtorità tal-Artijiet

Fil-parlament id-deputat Nazzjonalista qalet li tul is-snin minħabba ndħil partiġġjan l-Awtorità daħlet f’kontroversji bla bżonn; bħal fil-każ ta’ Gaffarena, l-Australia Hall, il-Café Premier u bosta kazi oħra. Seħħet ukoll ir-rizenja tal-Kummissarju tal-Artijiet minnħabba l-indħil politiku u fl-2019.

Filwaqt li semmiet il-prjodu diffiċli li għaddiet minnu l-Awtorità, Kristy Debono qalet li nħatar Chairman ġdid, John Vassallo, li l-Oppożizzjoni ivvutat favurih biex tingħata opportunità lill-Gvern biex isir it-titjib meħtieġ.

Għalhekk il-PN laqa’ l-istedina tal-Ministru biex jerġa’ jipparteċipa f’dan il-Bord. Hi qalet li s’issa ma kinitx informata li saru li laqgħat fl-aħħar xahar u ttamat li mhux jittieħdu deċiżjonijiet minn wara dahar l-Oppożizzjoni.

Kristy Debono trattat ix-xogħol b’lura li għandha l-Awtorità, fejn l-akbar sfida hi d-dewmien esaġerat ta’ persuni li jridu jifdu ċ-ċens u x-xiri ta’ ċens temporanju għar-residenzi.

B’mod immedjat soluzzjoni temporanja tista’ tkun li ċertu xogħol ikun farmed out. Dwar l-iskemi hi qalet li l-applikazzjonijiet għax-xiri ta’ garaxxijiet għandhom isiru kollha online u jkun hemm għarfien ikbar għall-Valletta Scheme dwar il-ħwienet.

Hi appellat biex jissaħħaħ il-Customer Care u li f’kull applikazzjoni jkun hemm target date, ikunu skont il-każ mal-proċessi tal-ippjanar u jkun hemm aktar trasparenza fl-istadju tal-applikazzjoni biex l-applikant ikun jaf f’liema stadju l-applikazzjoni tiegħu qed timxi jew teħel.

Dwar l-offerti, Kristy Debono staqsiet li kemm ħarġu offerti ta’ kirjiet jew ċnus fuq propjetà kummerċjali, li għalihom ma kienx hemm offerti.

Hi tkellemt dwar l-esproprijazzjoni ta’ art għal skop pubbliku u qalet li ħafna sidien huma rrabjati u bir-raġun għax dawn qed iħossuhom diskriminati meta ħaddieħor li kellu art maġenbu tħallas taħt il-liġi l-antika u oħrajn se jitħallsu ferm anqas. Jeħtieġ ukoll sinerġija bejn l-Awtorità tal-Artijiet u Infrastructure Malta, sostniet Kristy Debono, li appellat biex ikun hemm persuna waħda ta’ kuntatt, fl-Awtorità tal-Artijiet għall-esproprijazzjonijiet antiki.

Dwar il-Joint Office, id-deputat Nazzjonalista qalet li anke hawn hemm ħafna xogħol b’lura biex wieħed jifdi ċ-ċens. Hi qalet li l-ftehim mal-Knisja ma fadallux wisq biex jiskadi u staqsiet lill-Ministru jekk hux isiru laqgħat dwar x’se jsir. Jeħtieġ aktar investiment fir-rizorsi, għax hemm nuqqas kbir ta’ ħaddiema specjalment dak tekniku.

Meta tkellmet dwar is-sorvelja, Kristy Debono staqsiet kemm qed isiru spezzjonijiet li fuq il-propjetà tal-Gvern, jekk hux isiru spezzjonijiet adhoc inkella dawn qed isiru biss wara li jsiru rapporti bl-Awtorità tirreagixxi biss b’mod reattiv.

Hi staqsiet jekk il-Gvern jaqbilx li jkun hemm reġistru tal-artijiet tal-Gvern li kulħadd jista’ jaċċessa, kemm kellu talbiet għall-art biex fuqha jsiru proġetti, kemm ġew aċċettati, x’hemm pendenti u jekk qattx sar eżerċizzju ta’ kwantifikazzjoni ta’ kemm il-Gvern għandu jagħti flus f’esproprijazzjoni.

Dan għaliex iċ-ċifri jvarjaw bejn €300 miljun u €1 biljun. Kemm għandu arretrati il-Gvern fi ċnus u kirjiet u kemm minnhom ġew preskritti? Kemm esproprija art il-Gvern? Xi studji qed isiru biex nassiguraw li qed jinżamm bilanċ ambjentali?Kemm hemm kawżi quddiem il-Bord tal-Arbitrju tal-Artijiet? Kemm hemm pendenti?

Hi staqsiet ukoll Kemm inħarġu offerti għall-bejgħ ta’ propjetà, jew għall-kiri ta’ propjetà jew għal propjetà biex tgħaddi ċens. Il-Gvern kemm ghaddha art lill-Awtorità tad-Djar? Kien hemm applikazzjonijiet biex tiġi proċessata ksur ta’ kundizzjonijiet? Jekk iva kemm? Kif qed jiġu trattati? Kemm għadda art il-Gvern għal skopijiet sportivi u għall-kunsilli lokali?

Dwar il-Bord tal-Arbitrju tal-Artijiet, Kristy Debono qalet li jeħtieġ li jkun hemm aktar Kmamar preseduti minn aktar maġistrati għalx anki hawn hawn ħafna lmenti ta’ dewmien. Hi trattat il-qbiela u qalet li hawn bdiewa li għandhom applikazzjonijiet pendenti mal-Awtorità li issa ilhom wisq pendenti.

Fl-offerti, għandha tingħata preferenza għall-full-timers, part-timers jew studenti li jkunu lestew kors b’suċċess fl-agrikoltura għax l-applikanti ġenwini jridu verament l-art biex jaħdmuha.

Importanti li jkun hemm aktar inċentivi biex is-sengħa tal-bdiewa tibqa’ attiva fost iż-żgħażagħ. Xi skemi hemm għall- bdiewa żgħar biex jidħlu f’dan is-settur? Wasal iz-zmien li ukoll niddedikaw qbiela tal-Gvern għall-organic farming?