Internazzjonali

Kanada: Jinstabu l-mijiet tal-oqbra fi skola ta’ komunità indiġena

Kelliema għal grupp ta’ nies indiġeni (residenti fil-Kanada) qalu li nstabu l-mijiet tal-oqbra mingħajr mezzi għal identifikazzjoni f’post li darba kien jaqdi l-funzjoni ta’ skola u li jinstab fil-provinċja ta’ Saskatchewan.

Is-sorsi tal-aħbarijiet u l-kapijiet tal-grupp qalu, intant, li l-iskoperta hi ‘l-aktar waħda ta’ dan it-tip li għandha sustanza sinifikanti’ għall-pajjiż kollu.

Ma kenux speċifikati l-ammonti tal-oqbra li nstabu – bl-iskoperta tkun ikkonfermata xi ġimgħat wara li kienu nstabu l-fdalijiet ta’ 215-il tifel u tifla fi skola residenzjali simili, fl-inħawi ta’ British Columbia.

L-iskejjel inkwistjoni kienu servew bħala boarding schools għat-tfal li kellhom jgħixu hemmhekk bilfors. Dawn il-kumplessi ta’ tagħlim kienu mmexxija mill-Gvern Kanadiż u l-awtoritajiet reliġjużi matul is-sekli dsatax u għoxrin u l-għan tagħhom kien biex it-tfal u żgħażagħ indiġeni jkunu assimilati fis-soċjetà Kanadiża.

Intant, il-mexxejja tal-grupp indiġenu Cowessess First Nation, ix-xahar li għadda, bdew jużaw tagħmir ta’ radar ‘li jippenetra taħt l-art’ bil-għan li jsibu l-oqbra fiċ-ċimiterju tal-Marieval Indian Residential School ta’ Saskatchewan.

L-istess awtoritajiet indiġeni, intant, fissru s-sejba tal-oqbra bħala ‘xokkanti u terribbli’ u mistennija jiżvelaw aktar dettalji fil-ġranet li ġejjin.