Internazzjonali

L-Ingilterra: ‘Il fuq minn żewġ miljun ċittadini setgħu sofrew mill-effetti ta’ ‘Long Covid’

(Ritratt: EPA)

Save draftPreviewSchedule…about:blankAdd title

Ir-riżultati minn stħarriġ li kien jinvolvi man-nofs miljun adult fl-Ingilterra jissuġġerixxu li madwar żewġ miljun ċittadini ta’ dan il-pajjiż setgħu damu l-ġimgħat ibatu minn sintomi fit-tul wara li spiċċaw infettati bil-coronavirus.

Sitwazzjonijiet bħal dawn huma magħrufa bħala ‘Long Covid’ u l-istudju li tmexxja minn React juri li madwar terz tan-nies li jirrappurtaw is-sintomi tal-coronavirus kemm-il darba jkollhom is-sintomi li jippersistu għal talanqas tnax-il ġimgħa.

Ir-riċerkaturi qalu li x-xjenza medika għandha quddiemha isfida kbira biex issegwi u titratta bl-aħjar mod il-konsegwenzi fit-tul tal-Covid-19 għan-nies li jispiċċaw infettati.

Dan meta l-Gvern Britanniku provda mal-50 miljun Sterlina għar-riċerka dwar il-Long Covid – li għalissa jibqa’ fenomenu ‘taħt skrutinju’ u li għad irid isir magħruf ħafna aktar dwaru.

Il-Long Covid ikopri diversi sintomi wara l-infezzjoni inizjali bil-coronavirus u dawn jinkludu għejja fit-tul, waqtiet ta’ sogħla, uġigħ fis-sidher u fir-ras u anki uġigħ muskulari.

L-istudju li sar bejn Settembru li għadda u Frar ta’ din is-sena sab li mas-37 fil-mija tan-nies li mardu bil-Covid damu xi 12-il ġimgħa jew aktar ibatu minn talanqas sintomu wieħed tal-marda

Imbagħad, mal-15 fil-mija qalu li kellhom ‘tliet sintomi jew aktar’ li persistew għal talanqas 12-il ġimgħa, bil-problemi fit-tul ikunu aktar komuni fost in-nisa – bl-età wkoll tkun fattur sinifikanti.

L-għejja hi fost l-aktar sintomi komuni ta’ Long Covid’ bil-qtugħ tan-nifs ukoll jispikka bħala sintomu ‘għat-tul taż-żmien’.

Fl-istess ħin hemm qbil komuni dwar il-ħtieġa ta’ aktar studji biex l-esperti mediċi jżidu l-informazzjoni tagħhom dwar il-fenomenu pjuttost ġdid.

Min-naħa tiegħu, il-Professur Paul Elliott, bħala d-direttur tal-programm React mal-Imperial College ta’ Londra, qal li l-iskoperti, s’issa, jindikaw xi elementi ta’ tħassib relatati mal-konsegwenzi għas-saħħa fit-tul dovuti għall-Covid. Hu qed jittama li r-riċerka tikkontribwixxi lejn identifikazzjoni u management aħjar tal-kundizzjoni li – skont id-data – kapaċi qed taffetta lill-miljuni tan-nies fir-Renju Unit biss.

Sadanittant, studju ieħor immexxi mill-University College u l-King’s College – it-tnejn ta’ Londra — sab li persuna minn kull sitta li għandhom età medja u li spiċċaw infettati bil-covonavirus żvelaw li batew mis-sintomi ta’ Long Covid. Ir-rata fost l-adulti iżgħar fl-età, imbagħad, niżlet għal wieħed f’kull 13-il persuna’.

Is-Segretarju tas-Saħħa Britanniku, Matt Hancock, intant, qal li ‘Long Covid kapaċi jkollu impatt konsiderevoli fuq in-nies infettati, bis-sintomi tal-marda jistgħu jaffettwawlhom saħħithom u l-kwalità ta’ ħajja għat-tul taż-żmien’.