Sport Waterpolo

San Ġiljan se jikkontestaw il-finali tal-Enemed Cup kontra Neptunes

Rapport: Stewart Said

SLIEMA FRANK SALT………… 8

SAN ĠILJAN MERCURY……. 12

(2-3), (3-2), (1-2), (2-5)

Għall-ewwel darba fl-istorja, Neptunes u San Ġiljan Mercury se jkunu qed jikkontestaw il-finali tar-raba’ edizzjoni tal-Enemed Cup. Il-Ġiljaniżi kellhom quddiemhom lil Sliema, tim preparat li jirkupra mit-telfa kontra Neptunes biex jikkontesta l-finali.

San Ġiljan iridu jegħlbu lil Neptunes darbtejn f’jumejn fil-finali biex jirbħu din l-edizzjoni. Dan minħabba li l-format preżenti hu li biex tim ikun eliminat, irid jitlef żewġ logħbiet u Neptunes għadhom mingħajr telfa. Għajr fil-bidu, Sliema qatt ma kienu fil-vantaġġ u dan il-fatt seta’ kien detrimentali b’mod psikoloġiku minħabba li dejjem kellhom jiġru wara l-logħba. Il-prestazzjoni tal-Ġiljaniżi kienet aħjar mir-rebħa kontra Valletta hekk kif kienu aktar iffukati fuq il-prestazzjoni kollettiva.

Jerome Gabarretta fetaħ l-iskor favur Sliema iżda Dino Zammit dawwar l-iskor favur San Ġiljan b’doppjetta. Gabarretta skorja t-tieni gowl personali iżda l-id ix-xellugija ta’ Matthew Zammit kienet miċidjali biex il-Ġiljaniżi temmew l-ewwel sessjoni 3-2 minn fuq.

It-tim ta’ Dorian Pisani kellu vantaġġ ta’ 5-3 fit-tieni sessjoni iżda s-Slimiżi għarfu jirkupraw l-iżvantaġġ doppju sal-ħin tal-mistrieħ b’gowls ta’ Zach Mizzi u John Brownrigg.

Il-logħba baqgħet bilanċjata fit-tielet sessjoni iżda San Ġiljan irnexxielhom iżommu l-vantaġġ fi tmiemha. Minkejja li falla penalty, Dino Zammit skorja ż-żewġ gowls tat-tim tiegħu, b’John Brownrigg ġab id-draw momentarju ta’ 6-6.

Kif seħħ fil-partita preċedenti kontra Valletta, San Ġiljan skorjaw gowl kmieni fl-aħħar sessjoni li witta t-triq għar-rebħa. Dino Zammit għamilhom 8-6 bil-ħames gowl personali, b’San Ġiljan ikabbru l-vantaġġ għal 11-7. Iż-żagħżugħ Matthew Mifsud skorja doppjetta għal Sliema lejn it-tmiem, b’Matthew Zammit skorja bejniethom, gowl li nissel protesti għal Sliema minħabba li l-ballun telaq minn Zammit wara li kien spiċċa l-ħin.

Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta (2), M. Demarco, R. Greco, M. Meli, B. Cachia, N. Schiavone, M. Mifsud (3), J. Brownrigg (2), D. Rizzo, Z. Mizzi (1), S. Azzopardi, Z. Sciberras, K. Borg, J. Saliba

San Ġiljan: J. Tanti, D. Zahra, A. Galea (1), D. Fero, R. Caruana, M. Zammit (3), M. Ortoleva, J. Bonavia, B. Plumpton (2), Da. Zammit (1), K. Galea, Di. Zammit (5), G. Vassallo, D. Ciantar

Referees: Massimo Angileri, Ronnie Spiteri