Bħala parti mill-isforzi tagħha biex ittejjeb il-kwalità tal-faċilitajiet sportivi offruti għall-organizzazzjoni ta’ avvenimenti tal-atletika f’Malta, Athletics Malta fl-aħħar xhur kienet bdiet proċess ta’ resurfacing mill-ġdid tat-trakka pemezz ta’ tender indipendenti fil-Matthew Micallef St John Stadium fil-Marsa.
Dan il-proġett, li b’kollox ifisser investiment ta’ madwar €700,000, huwa pass importanti fit-tħejjija għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-2023 li se jsiru f’Malta, kif ukoll bħala parti mill-isforzi biex Athletics Malta tattira lejn xtutna avvenimenti ta’ livell internazzjonali. Minkejja proċess twil ta’ tendering, Athletics Malta u l-komunità sportiva tinsab mill-aktar diżappuntata li l-kwalità tax-xogħol li sar minn kuntratturi privati hu ta’ kwalità baxxa.
Minkejja l-assigurazzjonijiet tal-kuntrattur, ix-xogħlijiet mhux mitmuma, irriżultaw fi trakka li ma tlaħħaqx ir-rekwiżiti bażiċi, b’wiċċ li jiżloq, nuqqas ta’ elementi ta’ sigurtà u nuqqasijiet oħra li minħabba fihom, l-Assoċjazzjoni ma tistax tikseb approvazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tat-trakka tal-istadium nazzjonali tal-atletika fil-livell bażiku.
Evalwaturi indipendenti kkonfermaw lil Athletics Malta li l-kwalità tat-trakka u l-prestazzjoni tagħha ma tilħaqx l-ispeċifikazzjonijiet tat-tender, hija ta’ kwalità baxxa u nieqsa minn rekwiżiti bażiċi fosthom sistema li tmexxi l-ilma biex ma jinġabarx fuq it-trakka b’riskju li jpoġġi l-atleti f’periklu.
Fid-dawl tas-sitwazzjoni, Athletics Malta ma kellhiex triq oħra ħlief li tipposponi l-Kampjonat Nazzjonali tas-Sajf b’numru ta’ ġimgħat. Din is-sitwazzjoni fl-preżent tfisser skariġġ finanzjarju u loġistiku kbir għal Athletics Malta. Minkejja l-urġenza li l-atleti jkollhom trakka ta’ kwalità għolja, Athletics Malta temmen li m’għandhomx jittieħdu shortcuts u għal kuntrarju qed tinsisti mal-kuntattur li n-nuqqasijiet li nstabu għandhom jiġu indirizzati bis-sħiħ u jitlestew ix-xogħlijiet meħtieġa.
//= $special ?>