Lokali Unjoni Ewropea

ATTAKK DIRETT: Toħroġ fil-beraħ il-qasma bejn l-MEPs tal-Partit Laburista

Agius Saliba joħroġ b'saħħa kontra Cyrus Engerer - tqum kwistjoni taħraq fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista

Wara l-vot li kien hemm din il-ġimgħa fil-Parlament Ewropew, kompliet toħroġ fil-beraħ il-qasma bejn l-Ewroparlamentari Laburisti; b’Alex Agius Saliba ma jiddejjaq xejn joħroġ jattakka lil sieħbu Cyrus Engerer wara li dan tal-aħħar ivvota favur l-abort.

F’post fuq Facebook, Agius Saliba jgħid li qabel dan il-vot kellu “pressjonijiet interni”. Għalkemm ma jispeċifikax minn fejn kienu ġejjin dawn il-pressjonijiet.

U fl-istess waqt li Cyrus Engerer, f’post separata, ħareġ jiġġustifika dan il-vot…Alex Agius Saliba stqarr li hu kburi b’dak li għamel u li vvota kontra din ir-riżoluzzjoni.

“Nippreferi illi jħarsuli bl-ikrah l-kollegi fil-Grupp tas-Soċjalisti milli mmur kontra r-rieda tal-maġġoranza taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin u kontra dak illi fl-aħħar mill-aħħar nemmen fih jien. Kburi illi ma vvutajtx favur l-impożizzjoni tal-abort fuq pajjiżna”, qal Agius Saliba f’dak li jidher bħala attakk dirett kontra Cyrus Engerer. B’din il-mossa tikkawża kwistjoni taħraq fost it-tmexxija fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, għaliex ma riedux li din il-kwistjoni toħroġ fil-beraħ b’dan il-mod.

Il-qasma bejn l-MEPs tal-Lejber ħarġet aktar fid-deher meta wieħed iqis li anke ż-żewġ deputati l-oħra ivvutaw b’mod differenti; Alfred Sant u Josianne Cutajar astjenew. B’hekk, il-Partit Laburista spiċċa bi 3 pożizzjonijiet differenti dwar l-abort.

Minn naħa l-oħra, il-PN baqa’ konsistenti, bl-MEPs Roberta Metsola u David Casa jivvutaw kontra l-abort.