Internazzjonali

Covid-19: Il-Kanċillier tal-Ġermanja, il-ġimgħa d-dieħla, se tiddiskuti l-pandemija mal-Prim Ministru Britanniku Johnson…

Il-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel, il-ġimgħa d-dieħla, se tiltaqa’ fl-Ingilterra mal-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson biex, flimkien, jiddiskutu l-aħħar xejriet tal-pandemija u issues oħrajn. Iż-żjara se ssir fit-2 ta’ Lulju, bit-taħditiet se jitmexxew fir-residenza ‘Chequers’ tal-Prim Ministru Ingliż li tinsab viċin il-villaġġ ta’ Ellesborough.

Filwaqt li Merkel u Johnson se jiddiskutu r-reazzjoni globali gaħll-pandemija tal-coronavirus, iż-żewġ mexxejja għandhom ukoll jitrattaw diversi topiċi ta’ interess komuni.

Sadanittant, Merkel, din il-ġimgħa, wissiet li l-Ewropa riesqa lejn żmien inċert u perikoluż, meta l-varjant ‘Delta’ tal-Covid qed jinfirex madwar il-kontinent. Hi qed issejjaħ għal reazzjoni aktar koordinata mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea waqt li ħeġġet biex l-Istati membri kollha jimponu kwarantina  għan-nies li jaslu fl-artijiet tagħhom mir-Renju Unit.

Hi qed tinsisti li l-pass lejn kwarantina hu wieħed ‘determinanti’ ladarba wieħed iqis il-perikli relatati mal-firxa tal-varjant ‘Delta’.

Ir-Renju Unit mhux fuq il-lista tal-UE għall-pajjiżi ‘sikuri’ ( fid-dawl tal-pandemija) iżda l-Istati membri tal-Unjoni mhumiex obbligati bilfors li ma jaċċettawx it-turisti minn dan il-pajjiż.

Sadanittant, l-infezzjonijiet bil-varjant ‘Delta’ żdiedu b’46 fil-mija f’ġimgħa waħda madwar ir-Renju Unit u fejn 514-il pazjenti oħra kienu ammessi l-isptar wara li żviluppawlhom il-kumplikazzjonijiet b’kaġun tal-istess varjant.

Filwaqt li dan il-varjant, issa qed jagħmel tajjeb għal madwar 95 fil-mija tal-każi ġodda tal-Covid fir-Renju Unit, il-Public Health England insista li l-vaċċini qed iħallu impatt kruċjali bħala ‘difiża’ u meta l-pazjenti li jridu jiddaħħlu l-isptar – flimkien mal-ammonti tal-imwiet — qed jinżammu ‘sewwa’ taħt kontroll.

It-tabiba Jenny Harries, il-kap eżekuttiv tal-Aġenzija li tħares is-Sigurtà tas-Saħħa fir-Renju Unit, sostniet li l-programm tat-tilqim, grazzi għas-suċċess li kiseb, illimita l-każi fejn infezzjonijiet bil-varjant ikollhom jissarrfu f’perjodi ta’ żmien l-isptar għall-pazjenti.

Hi kompliet li din id-data hi ferm inkoraġġanti iżda wissiet ukoll biex in-nies ma jittraskurawx u, fl-istess ħin, jaċċertaw li jieħdu t-tieni tilqima kontra l-Covid. Dan meta ċ-ċittadini kollha tal-Ingilterra minn 18 ‘il sena ‘il fuq li għadhom ma ħadux l-ewwel tilqima qed ikunu mistiedna biex imorru f’wieħed mill-walk-in sites  u jieħdu l-ewwel pass biex jipproteġu ruħhom mill-effetti tal-virus.

Fl-Awstralja, ‘il fuq minn miljun persuna residenti fis-sobborgi taċ-ċentru u l-lvant ta’ Sydney – u li jinkludu l-Bajja ta’ Bondi – se jkunu suġġetti għal lockdown wara qabża fil-każi tal-Covid. Dan meta l-awtoritajiet tas-saħħa f’Sydney qed jippruvaw irażżnu inċidenza allarmanti tal-varjant ‘Delta’, bil-każi ġodda jtellgħu l-ammont tal-infettati għal 65 fi ftit jiem biss.

Il-lockdown hu l-ewwel għal Sydney ( l-akbar belt tal-Awstralja) minn Diċembru, bil-pajjiż, kollox ma kollox, qed jirnexxilu jżomm ir-rati tat-trasmissjoni tal-Covid baxxi ħafna.

Il-Prim Ministru tal-Istat ta’ New South Wales, Gladys Berejiklian qalet li l-awtoritajiet se jagħmlu minn kollox biex din is-sitwazzjoni ma ġġebbidx għal ġimgħat u biex iċ-ċirkulazzjoni tal-varjant tinġieb taħt kontroll mill-aktar fis. Madankollu, ir-residenti tas-sobborgi msemmija u n-nies li jaħdmu fiz-zoni affettwati jridu jiqbgħu d-dar ħlief għal raġunijiet essenzjali. Dan waqt li l-lockdown inkwistjoni għandu jibqa’ infurzat sat-2 ta’ Lulju.