Lokali

Cyrus Engerer jevita li jsemmi li vvota favur l-abort u jinfexx f’attakk partiġġjan

Minflok indirizza l-kwistjoni li nqalgħet bejnu u bejn l-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba dwar il-fatt li vvota favur l-abort fil-Parlament Ewropew…. il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista, Cyrus Engerer attakka lill-Partit Nazzjonalista għal fatt li Malta spiċċat greylisted mill-Financial Action Task Force.

F’intervista li kellu fuq il-programm propogandistiku fuq il-midja Laburista, minflok indirizza d-domandi tal-pubbliku dwar ir-raġuni għalfejn Engerer ivvota favur l-abort – bil-konsegwenza li ħarġet ċara l-qasma li hemm bejn l-MEPs Laburisti  – huwa għażel li jattakka lill-Partit Nazzjonalista għal fatt li pajjiżna ġie greylisted.

Dan filwaqt li b’mod sfaċċat evita għal kollox milli jsemmi s-snin li għamel Gvern Laburista fil-Gvern taħt l-eks Prim Ministru Joseph Muscat – l-istess Muscat li taħtu l-Prim Ministru attwali Robert Abela kien jagħmilha ta’ konsulent tal-kabinett tiegħu.

L-istess Muscat li taħtu kien hemm 5 Kummissarji tal-Pulizija f’temp ta’ 5 snin – l-istess tmexxija li taħtha kienu ġew injorati l-appelli tal-FIAU – l-istess kabinett li membri minnu kellhom kumpaniji sigrieti fil-Panama…u allegazzjonijiet xejn pjaċevoli marbuta magħhom.

Taħt it-tmexxija li għal kollox falla milli jsemmi Cyrus Engerer kien hemm ukoll l-eks Chief of Staff ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri  li twettqu numru ta’ allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia…kif ukoll tressaq il-Qorti b’rabta ma’ ħasil ta’ flus u korruzzjoni..fost oħrajn.

Dan filwaqt li aktar minn nofs il-membri tal-Kabinett ta’ Robert Abela kienu jiffurmaw parti mill-kabinett ta’ Joseph Muscat waqt dan kollu.