Lokali

Il-PN jinsisti li ssir konsultazzjoni mal-MAPE qabel il-Parlament imexxi fuq l-Att dwar il-Professjoni tal-Inġiniera

B’referenza għall-abbozz li jemenda l-Att dwar il-Professjoni tal-Inġiniera li jinsab għad-dibattitu fil-Parlament, matul id-diskorsi li saru mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni Toni Bezzina u Ryan Callus, l-Oppożizzjoni appellat għal diversi drabi dwar il-fatt li l-unjin tal-inġiniera, il-Malta Association of Professional Engineers (MAPE), ma kinetx konsultata b’allegat ksur mill-Gvern tal-Proportionality Test Directive.

Il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li l-Gvern b’ mod immedjat għandu jżomm laqgħa ta’ konsultazzjoni qabel mal-Parlament jipproċedi bl-emendi fuq l-abbozz.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista permezz ta’ stqarrija ffirmata mid-Deputati Toni Bezzina, Ryan Callus u Robert Cutajar, qal li l-Parlament mgħandux ilaqqa’ l-Kumitat tal-Abbozzi qabel ma’ jitlesta dan il-proċess ta’ konsultazzjoni. L-Oppożizzjoni ttenni d-disponibbiltá tagħha li tkun involuta f’ dan il-proċess sabiex il-professjoni tal-inġiniera jkollha l-aħjar qafas ta’ liġi, li fl-aħħar mill-aħħar tgawdi minnu s-soċjeta’ kollha.