Ekonomija Lokali

“In-negozji Maltin ma jixirqilhomx joperaw f’pajjiż li hu greylisted” – Kamra tal-SMEs

Il-Kamra tal-SMEs qed tinsisti li l-membri tagħha kellhom jinvestu ħafna u jagħmlu sforzi kbar wara li pajjizna sab ruħu taħt l-iskrutinju tal-Unjoni Ewropea u awtoritajiet importanti oħra minn madwar id-dinja. Li tmexxi negozju f’pajjiżna saret intrapriża diffiċli fl-aħħar snin, iżda dan mhu xejn meta mqabbel mal-isfidi mistennija għalihom sabiex joperaw f’pajjiż li ġie greylisted.

In-negozji Maltin ma jridux jaħdmu f’qafas ta’ ekonomija ta’ reputazzjoni dubbjuża u jridu li isimhom jitanddaf immedjatament.

Il-Kamra qed tisħaq li huwa importanti ferm li wieħed jifhem x’se jkun l-impatt ta’ dan kollu u li jiġu indirizzati il-problemi vera li tefgħu lil pajjiżna f’din is-sitwazzjoni.

L-istqarrija tal-Kamra għan-Negozji ż-Żgħar qalet li l-membri tagħhom jinsabu mħassbu li min qed ifassal il-politika f’pajjiżna se jibqgħu għaddejjin fl-istess triq u jkunu  dejjem in-negozji li jibqgħu ibatu l-konsegwenzi għall-aġir deplorabbli tal-ftit. Il-Kamra qalet li flimkien mal-membri tagħha se tibqa’ ssegwi mill-qrib din is-sitwazzjoni filwaqt li qed teżamina kif dan il-greylisting se jkompli jeffettwa l-ekonomija kif ukoll l-aċċessibiltà għal faċilitajiet bankarji.