Ekonomija Lokali

It-taxxa u l-ħasil tal-flus wasslu biex Malta tispiċċa fil-greylist

Il-ħasil tal-flus u l-ħtieġa li tkun miġġielda aktar l-evażjoni tat-taxxa huma l-aktar fatturi li qed jinkwetaw lill-FATF; talbiet li għamlet l-FATF lill-Gvern Malti biex il-pajjiż ma jibqax aktar greylisted.

L-FATF – li hi waħda mill-akbar organizzazzjonijiet internazzjonali li tikklassifika lill-pajjiżi fil-ġlieda tagħhom kontra l-ħasil tal-flus – qalet li l-Gvern irid jikkonferma li l-informazzjoni tas-sidien tal-kumpaniji tkun korretta u li tittieħed azzjoni meta dan ma jkunx il-każ.

Barra minhekk, il-Gvern għandu jara li jagħti aktar riżorsi lill-FIAU ħalli din tkun tista’ tappoġġja aktar lill-awtoritajiet fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus. Dan filwaqt li l-FIAU tassisti lill-awtoritajiet tal-pajjiż fl-investigazzjonijiet.

Id-deċiżjoni li pajjiżna jkun greylisted qed tinkwieta lil setturi differenti, fosthom dak tal-igaming.

Fil-fatt, Pierre Lindh, li hu persuna prominenti f’dan is-settur, qal li l-fatt li Malta spiċċat fil-greylist se tagħmel ħsara lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Barra minnhekk, wissa li kumpaniji internazzjonali kbar jistgħu jikkunsidraw li jagħżlu pajjiż ieħor fejn jinvestu.

Waqt xandira fuq l-internet, hu kien akkumpanjat mill-Konsulent Finanzjarju Malti Julian Buhagiar, li qabbel din is-sitwazzjoni ma’ meta l-Iżlanda – li wkoll ghandha ekonomija ta’ gżira bħal Malta – batiet għax kienet fi greylist għal sena sħiħa.

Iżda fuq kollox, riżultat bħal dan jaffettwa wkoll is-sentiment tal-poplu, li jista’ jwassal biex in-nies jonfqu anqas jew iwaqqfu l-infieq għalkollox.

Lindh u Buhagiar fakkru fl-iżbalji amministrattivi li l-Gven Laburista għamel fl-aħħar snin, iżda anke fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li kollha wasslu għal dan ir-riżultat.

Min-naħa tiegħu, Julian Buhagiar appella biex l-iskema tal-Bejgħ tal-Passaporti titwarrab, ladarba din ġabet diversi reazzjonijiet negattivi, fost l-oħrajn mill-Istati Uniti.

Quddiem dawn iċ-ċirkostanzi, ħafna qed jesprimu appogg ghall-proposta tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech li, mill-aktar fis, jinħoloq Task Force Nazzjonali ħalli flimkien noħorġu mis-sitwazzjoni li ninsabu fiha.

Messaġġ favur l-għaqda nazzjonali f’dan il-mument diffiċli għall-pajjiż kollu.