Waqt il-plenarja li saret fil-Parlament Ewropew fi Brussell bejn l-Erbgħa u l-Ħamis, għamel ukoll l-intervent tiegħu s-Segretarju tan-Nazzjonijiet Uniti Antonio Guterres.
L-eks Prim Ministru Portugiż kien elett mill-ġdid bħala Segretarju tan-NU fit-18 ta’ Ġunju 2021.
Id-diskors tal-Ħamis ta’ Guterres kien it-tieni wieħed tiegħu, dan wara li lura fl-2017 hu indirizza għall-ewwel darba lill-MEPs.
Guterres beda d-diskors tiegħu billi tenna “Grazzi” għaliex l-Unjoni Ewropea hija l-akbar kontributur finanzjarju għas-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti.
Minbarra l-baġits regolari, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jipprovdu lill-aġenziji tan-NU b’kontribuzzjonijiet volontarji li jsalvaw il-ħajjiet. Dawn il-fondi jmorru għall-attivitajiet ta’ żvilupp tan-NU u aspetti kruċjali oħra, inkluż d-drittijiet tal-bniedem.
Antonio Guterres tkellem ukoll fost l-oħrajn dwar il-pandemija tal-COVID-19 fejn saħaq li din il-pandemija uriet il-fraġilita’ ta’ kulħadd u għandna nużawha bħala ċans biex flimkien naraw li jkollna dinja sostenibbli. Tenna ukoll l-importanza li l-Parlament Ewropew għandu jara li kull individwu jkollu aċċess għall-vaċċin kontra l-COVID-19.
//= $special ?>