Lokali

Jum ieħor b’temperaturi rekord… is-sħana taqbeż il-41°C

Wara li tul il-jum tal-Ħamis ġiet rreġistrata l-ogħla temperatura għax-xahar ta’ Ġunju b’temperatura ta’ 40.2 grad celsius… tul il-jum tal-Ġimgħa s-sħana kompliet iżżid.

Dan wara li l-Gżejjer Maltin esperjenzaw temperaturi li laħqu l-41.3 ċentigradi.

L-Uffiċċju Meteoroloġiku ħabbru li f’temp ta’ 24 siegħa t-temperaturi żdiedu b’1°C…u għaldaqstant wara li tul il-jum tal-Ħamis it-temperaturi laħqu rekord ta’ kważi mitt sena mill-1923…fi ftit sigħat lħaqna rekord ta’ sħana ieħor.

Tul din il-ġimgħa l-poplu Malti u Għawdxi spiċċa jħabbat wiċċu ma’ temperaturi u qtugħ ta’ nifs f’xi waqtiet insapportabbli – bil-heatwave mistennija tkompli saħansitra sal-ġimgħa d-dieħla bl-indiċi UV mistenni jlaħħaq l-11.

Esperti meteorologiċi spjegaw li din is-sħana qawwija hija kawża ta’ pressjoni għolja li qed tippersisti fiċ-Ċentru tal-Mediterran.

Għaldaqstant il-pubbliku qed ikun mħeġġeġ sabiex kemm jista’ jkun jevita li jkun espost għax-xemx bejn il-11 ta’ filgħodu l-4 ta’ waranofsinhar filwaqt li kemm jista jkun jżomm ruħu frisk u jixrob ħafna ilma.

Ta’ min wieħed jinnota li persuna qatt m’għandha tħalli trabi, tfal jew annimali magħluqin f’xi vettura minħabba l-fatt li jaf ikun hemm konsegwenzi traġiċi.