Lokali

Refalo skomdu jwieġeb dwar l-FATF

Il-Ministru jgħid li l-pandemija għaddiet

Il-Ministru Għawdxi responsabbli mill-Agrikoltura u s-Sajd, Anton Refalo mhux kapaċi jserraħ ras il-kostitwenti tiegħu u l-bqija tal-poplu Għawdxi fid-dawl tal-fatt li pajjizna spiċċa fuq il-greylist tal-Financial Action Task Force.

Mistoqsi dwar x’impatt jista’ jkollu dan il-greylisting fuq l-ekonomija tal-Gżejjer Maltin, b’mod partikolari fuq Għawdex – Refalo, li kien ukoll parti mill-ewwel kabinett tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, kien skomdu għall-aħħar sabiex iwieġeb dwar dan.

Mistoqsi minn Net News x’impatt se jkollu l-greylisting ta’ Malta mill-FATF fuq l-industrija primarja lokali; jiġifieri fost oħrajn il-biedja u s-sajd, għal darb’oħra Anton Refalo ma kienx kapaċi jwieġeb u minflok dawwar is-suġġett. Hawn huwa insista li l-pandemija tal-Covid-19 għaddiet u ta’ x’jifhem li hija ħaġa tal-passat ….minkejja li l-Awtoritajiet tas-Saħħa kontinwament qed jappellaw għal kawtela, għax il-virus għadu fostna.

Refalo saħaq li pajjiżna għeleb diversi sfidi u din se tkun waħda minnhom…minkejja li fil-verità hija sitwazzjoni li ġab fuq il-poplu Malti u Għawdxi il-Gvern Laburista stess.

Għaldaqstant il-poplu Malti u Għawdxi għadu qed jistenna risposta ċara u skjetta dwar x’se jkun l-impatt tad-deċiżjoni li ttieħdet mill-Organizzazzjoni Dinjija fil-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus u l-finanzjament tat-terroriżmu…fejn minkejja li pajjiżna għadda mill-Moneyval…l-FATF għadha mhux qed tafda lill-Gvern ta’ Robert Abela se jimplimenta dak li hemm iswed fuq l-abjad.