EURO 2020 Futbol Sport Stadju Finali

Dwell mingħajr favoriti f’Amsterdam bejn Wales u d-Danimarka

(Ritratt: EPA)

Wara tliet logħbiet b’ħafna emozzjoniet fil-kapitali Copenhagen, id-Danimarka llum iħallu pajjiżhom għall-ewwel darba biex f’Amsterdam jilagħbu kontra Wales fl-ewwel logħba tar-rawnd tal-aħħar sittax. Il-belt ta’ Amsterdam hi l-belt li Christian Eriksen kien isejjaħ it-tieni dar tiegħu, fejn għal tliet staġuni kien jilgħab mat-tim ta’ Ajax Amsterdam qabel fis-sena 2013 kien ingħaqad ma’ Tottenham Hotspur.Id-Daniżi jinsabu jilagħbu din il-logħba minkejja li bdew dan il-Euro 2020 b’żewġ telfiet. Fl-ewwel logħba, il-logħba tad-drama ta’ Eriksen, id-Danimarka sofriet telfa kontra l-Finlandja u fit-tieni logħba d-Daniżi sofrew telfa ta’ 2-1 kontra l-Belġju wara li kienu fil-vantaġġ sa tmiem l-ewwel taqsima. Kien biss fit-tielet logħba li d-Daniżi urew il-potenzjal veru tagħhom meta b’wirja mill-aqwa ġabu fix-xejn lir-Russja biex b’rebħa ta’ 4-1 kisbu post mal-aħħar sittax.

Il-kowċ ta’ Wales Rob Page kellu kliem ta’ tifħir għat-tim Daniż għal mod kif ħareġ mit-trauma tal-inċident ta’ Eriksen. Għalkemm id-Danimarka qed jagħmlu l-ewwel vjaġġ tagħhom f’dan il-Euro 2020, mhux l-istess jistgħu jgħidu Wales li kellhom il-bażi tagħhom fil-kapitali tal-Azerbaijan Baku, u hemmhekk lagħbu l-ewwel żewġ logħbiet tagħhom, iżda għat-tielet logħba kellhom jivvjaġġaw sa Ruma biex lagħbu kontra l-Italja u issa vjaġġ għal Amsterdam għal din il-logħba tal-aħħar sittax.Għal Wales kienet biżżejjed rebħa kontra t-Turkija u draw kontra l-Iżvizzera biex aċċertaw mill-kwalifikazzjoni. Gareth Bale kien wieħed mill-istilel ta’ Wales fl-aħħar edizzjoni tal-Euro fl-2016 fejn Wales waslu sas-semifinali fejn kienu eliminati kontra l-Portugall li eventwalment rebħu t-titlu.

Bale hu l-aqwa skorer ta’ kull żmien ta’ Wales fejn skorja 33 gowl anki jekk ilhu l-aħħar 14-il logħba ma jsib ix-xibka. Bale falla wkoll penalty kontra t-Turkija f’Baku u jipprova jsib ix-xibka. Wales se jkunu mingħajr Ethan Ampadu li tkeċċa fl-aħħar logħba ta’ Wales kontra l-Italja.Din il-logħba m’għandhiex favoriti anki jekk il-kritiċi ipoġġu xi ftit lid-Daniżi bħala favoriti iżda l-konfront għandu jkun ferm bilanċjat u miftuħ għal kull riżultat. Min jirbħa dan il-konfront irid jaqbad it-triq lejn Baku fejn jiltaqa’ mar-rebbieħ tal-konfront bejn l-Olanda u r-Repubblika Ċeka.

Rawnd tal-aħħar 16: Wales v Danimarka 6.00pm