Coronavirus Internazzjonali

Estiż il-lockdown f’Sydney

B’kuntrast għad-deċiżjonijiet li qed jittieħdu fil-pajjiż ġar tagħna, l-Awstralja qed testendi l-lockdown f’Sydney. Dan meta, din il-belt daħlet f’lockdown ta’ ġimgħatejn oħra hekk kif l-Awtralja rat żieda fil-każi tal-varjant Delta. Din il-miżura, li ilha ma tidħol fis-seħħ sa minn Diċembru li għadda, se taffettwa miljuni kbar ta’ nies u tasal wara li fl-aħħar sigħat, din il-belt irrapurtat 80 każ tal-varjant Delta, li fil-passat nafuh aħjar bħala dak Indjan.

Il-Ministru tas-Saħħa Brad Hazzard iddeskriva dan il-varjant Delta bħala “avversarju formidabbli ħafna. Kull pass li nieħdu kontrih, il-varjant qed jifhem u jsib mod kif jagħmel kontrattakk.”

Il-Prim Ministru Scott Morrison irringrazzja lir-residenti għall-paċenzja tagħhom, u għamel kuraġġ lil kulħadd. Hu saħaq li “din il-pandemija, sfortunatament, għadha għaddejja mad-dinja kollha u minn żmien għal żmien se jkollha l-impatt tagħha fuq il-pajjiż.” Fl-aħħar sigħat, New Zealand waqqfet il-bubble tal-ivvjaġġar mingħajr kwarantina mal-Awstralja.