Gareth Bale waqqaf ħesrem intervista li kien qed jagħti lill-media internazzjonali wara t-telfa ta’ Wales kontra d-Danimarka, wara li kien mistoqsi jekk wara din l-eliminazzjoni ta’ Wales mill-Euro 2020, kienx se jieħu deċiżjoni jew le dwar jekk jirtirax mill-futbol milgħub. Għal din il-mistoqsija, Bale xejn ma deher komdu u kuntent, tant li qabad u telaq mill-intervista li kienet qed tixxandar diretta fuq it-televiżjoni, mingħajr ma qal xejn.
Id-domanda tal-ġurnalist sportiv kienet waħda leġittima, fid-dawl tal-fatt li fl-aħħar ġimgħat il-media internazzjonali kienet qed tirraporta b’mod spekulattiv, li Bale, li għandu 31 sena, kien se jirtira mill-futbol milgħub wara li tgħaddi l-Euro 2020. Fit-tmiem tal-partita, u li fiha Wales sfaw eliminati minn din il-kompetizzjoni, b’telfa ta’ 4-0 kontra d-Danimarka, b’Bale iwieġeb il-mistoqsijiet tiegħu, il-ġurnalist sportiv għamel sew u ħataf l-opportunitá li jistaqsiħ dwar il-futur tiegħu bħala plejer.
Iżda bejn id-diżappunt tal-eliminazzjoni mil-Euro 2020 u bejn it-telfa b’riżultat kbir ta’ 4-0 kontra d-Daniżi, dak li kien jonqos sabiex Bale ikompli jinfaqa f’lejla diżastruża għaliħ u għal sħabu tat-tim, kienet li xi ħadd jistaqsiħ dwar jekk huwiex se jirtira jew le mill-futbol milgħub. Id-domanda saritlu u r-reazzjoni ta’ Bale uriet biċ-ċar li ma kien komdu xejn biex iwieġeb, u probabilment flok bgħat lil min kien qed jintervistaħ f’post mhux mixtieq, għażel li jieqaf mill-intervista u ma jkomplix iwieġeb.
//= $special ?>