Wara waqfa ta’ jumejn, illejla titkompla l-Euro 2020 bit-tieni stadju ta’ din il-kompetizzjoni. Mill-lejla m’hemmx rebħ ta’ punti, iżda eliminazzjoni diretta. B’rebħa tavvanza għall-kwarti tal-finali u b’telfa tieqaf tilgħab minn dan it-turnament. Din hija l-analiżi tiegħi tat-tmien partiti li se nkunu qed insegwu b’tant interess bejn illum is-Sibt u nhar it-Tlieta li ġej. Analiżi u tbassir ta’ x’jista’ jiġri mill-perspettiva tiegħi personali. Opinjoni suġġettiva, u żgur mhux passjonali. Wieħed jista’ jaqbel ma’ dak li naħseb jien, jew jaħsibha differenti mill-mod ta’ kif qed inbassar li se jiġri f’dawn it-tmien partiti.
Irrelevanti miinn kif jien u int naħsubha, l-importanti hu li dawn it-tmien partiti fl-istadju tal-aħħar 16-il tim, jagħtuna spettaklu ta’ futbol li nixtiequ.
Wales vs. Danimarka
Is-Sibt, 26 ta’ Ġunju, fis-6pm, f’Amsterdam.
Wales ikkwalifikaw għal dan l-istadju wara li spiċċaw it-tieni fi Grupp A. L-avversarji tagħhom se jkunu d-Danimarka, li bħalhom temmew it-tieni fil-grupp rispettiv tagħhom, Grupp B. Fil-veritá, hu ftit diffiċli li tbassar ir-riżultat jew dak li jista’ jiġri f’dan il-konfront, anke għaliex fuq il-karta, iż-żewġ timijiet jinsabu f’bilanċ. X’aktarx, kieku Christian Eriksen se jilgħab dan il-konfront, u dak li ġralu kienet sempliċiment ħolma kerha li qatt ma seħħet, kieku wieħed jista’ jpoġġi b’aktar ċertezza lid-Daniżi bħala favoriti li jgħaddu għal mal-aħħar tmienja tal-Euro 2020.
Iżda f’Amsterdam, id-Danimarka tal-kowċ Kasper Hjulmand, se jkunu mingħajr Eriksen u għadhom mhux ċerti jekk il-captain tat-tim, u l-akbar ispirazzjoni tagħhom f’din l-iskwadra, Simon Kjær huwiex se jirkupra fil-ħin biex jibda mal-ewwel ħdax.
Italja vs. Awstrija
Is-Sibt, 26 ta’ Ġunju, fid-9pm, f’Londra.
L-Italja huma favoriti netti li jirbħu dan il-konfront, speċjalment wara l-mod ta’ kif lagħbu u rebħu fl-ewwel tliet partiti tal-Euro 2020. Mingħajr ma nnaqqas mir-rispett u t-tajjeb li għamlu s’issa l-Awstrija, nemmen li se tkun diffiċli ħafna għall-iskwadra taħt it-tmexxija tal-kowċ Franco Foda, li jkomplu javvanzaw f’din l-edizzjoni tal-Kampjonati Ewropej.
Dak li għamlet l-Awstrija s’issa kien diġa’ ħafna, partikolarment bir-rebħa li rrnexxilhom jiksbu kontra l-Ukrajna, u li permezz tagħha temmew fit-tieni post fi Grupp Ċ.
Olanda vs. Repubblika Ċeka
Il-Ħadd, 27 ta’ Ġunju, fis-6pm, f’Budapest.
Ikolli nammetti li l-Olanda qed jilgħabu ‘l fuq mill-aspettattiva tiegħi, u x’aktarx ta’ ħafna mid-diletttanti tal-futbol internazzjonali. Hu fatt li dan it-tim għandu elementi tajbin u potenzjal biex jiffurmaw skwadra li tkun kompetittiva iżda minn dejjem kont xettiku tal-abiltajiet u kwalitajiet tal-kowċ Olandiż, Frank De Boer.
B’Georginio Wijnaldum fil-forma, u b’riżultati li s’issa kienu tassew pożittivi, anke jekk wieħed jista’ jargumenta li lagħbu f’grupp mhux daqstant tqil, l-Oranje għandhom ikunu wieħed mit-tmien timijiet li jgħaddu għall-kwarti tal-finali anke jekk ikun żball jekk wieħed jissottovaluta lill-avversarji tagħhom, ir-Repubblika Ċeka.
Se jkolli nammetti li qabel din l-edizzjoni, ma kontx qed inbassar li ċ-Ċeki kienu se jaslu s’hawn. Dan m’huwiex tim daqstant b’saħħtu iżda f’Grupp D, fit-tliet partiti li lagħbu, l-iskwadra tal-kowċ Jaroslav Silhavy urew biċ-ċar li għandhom skwadra li kapaċi tkun kompatta u b’saħħitha fil-kollettiv anke jekk l-individwalitá hi nieqsa mhux ftit.
Belġju vs. Portugall
Il-Ħadd, 27 ta’ Ġunju, fid-9pm, f’Sevilla.
Personalment, nemmen li din taf tkun l-aktar logħba eċitanti minn fost it-tmien partiti f’dan l-istadju tal-Euro 2020. Hu diffiċli ħafna biex tagħmel tbassir komdu dwar din il-logħba, anke għaliex s’issa rajna li l-plejers taħt it-tmexxija ta’ Roberto Martinez, il-Belġju, qed jagħtu prova tal-potenzjal tagħhom u tal-fatt li għal dawn l-aħħar 34 xahar konsekuttivi, huma dejjem żammew posthom fil-quċċata fil-klassifika tar-rankings tal-pajjiżi dinji tal-FIFA.
Fl-istess waqt, wieħed ma jistax jinsa li t-tim l-ieħor f’din il-logħba deċiżiva, hu t-tim rebbieħ tal-aħħar Euro, immexxija minn fenomenu li jidher li m’għandux problema ta’ etá u ta’ 36 sena, għad għandu l-istess entużjażmu ta’ rebħ, daqs li kieku għadu qed jibda l-karriera tiegħu; Cristiano Ronaldo. Matul din il-Euro, CR7 kien l-ikona tal-Portugall. Spikka u ta prova tal-abiltajiet tiegħu. Possibilment, s’issa kien l-aqwa plejer ta’ din il-Euro.
Kroazja vs. Spanja
It-Tnejn, 28 ta’ Ġunju, fis-6pm, Kopenħagen.
Mhux li kont qed nistenna tant aħjar, pero lanqas kont qed naħseb li kienu se jkunu daqshekk diżappuntanti daqs kemm kienu s’issa f’din il-Euro. Minkejja kollox, wieħed mis-16-il tim f’din il-fażi, huma Spanja. Dan it-tim hu ‘l bogħod, anzi ferm ‘il bogħod mis-saħħa li niftakruhom biha ftit tas-snin ilu, meta taħt it-tmexxija ta’ Vicente del Bosque kienu ddominaw id-dinja tal-futbol.
Nhar it-Tnejn se jilgħabu kontra Kroazja, li bil-kontra tagħhom, s’issa impressjonawni aktar milli kont qed naħseb. Ejjew ma ninsewx li dan it-tim nazzjonali Kroat, m’għadux bl-istess saħħa u potenzjal, bħal ma kien tliet snin ilu meta kien wasal sal-finali tat-Tazza tad-Dinja li saret fir-Russja. Iżda minkejja kollox, fl-aħħar logħba li lagħbu kontra Skozja, Luka Modric, Ivan Perišić u l-kumplament tat-tim, irnexxilhom jagħtu sentiment uniku u maġiku lill-partitarji tagħhom, li l-esperjenza taf tkun il-fattur li fil-mument deċiżiv, tagħmel id-differenza kollha.
Franza vs. Żvizzera
It-Tnejn, 28 ta’ Ġunju, fid-9pm, f’Bukarest.
Fil-fehma tiegħi, Franza huma l-akbar favoriti biex jirbħu din il-Euro. Għandhom saħħa kbira fuq livell kollettiv, kif ukoll individwali. L-avversarji ta’ Franza, l-Iżvizzera waslu s’hawn wara li temmew fit-tielet post f’Grupp A. Kont qed nistenna ħafna aktar minn dan it-tim u meta tassew kellhom l-opportunitá li juru l-potenzjal tagħhom, fil-partita ta’ kontra l-Italja, it-tim taħt il-gwida teknika tal-kowċ Vladimir Petkovic, kien sempliċiment diżappuntanti.
Ingilterra vs. Ġermanja
It-Tlieta, 29 ta’ Ġunju, fis-6pm, f’Londra.
Dan se jkun konfront klassiku bejn żewġ pajjiżi rivali ta’ xulxin fil-futbol internazzjonali. Sal-lum, l-Ingilterra u l-Ġermanja, iltaqgħu kontra xulxin 33 darba u minn dawn il-partiti kollha, kien hemm partiti li min għexhom, diffiċli jneħħihom mill-memorja tiegħu għall-ispettaklu li ra.
L-anzjani tal-lum, speċjalment dawk li huma partitarji tal-Ingilterra, żgur li jibqgħu ssemmu b’tant nostalġija, il-famuża partita tal-1966, meta fil-finali tat-Tazza tad-Dinja ta’ dik is-sena, l-Ingilterra, taħt il-gwida teknika tal-kowċ ta’ dak iż-żmien, Alf Ramsey, kienu għelbu lill-Ġermanja 4-2.
Dik l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja kienet organiżżata fl-Ingilterra, u sal-lum, 55 sena wara, ix-xandira ta’ dik il-partita fuq it-televiżjoni, jibqa’ l-avveniment l-aktar wieħed segwit fl-istorja televiżiva Brittanika, saħansitra aktar mill-funeral tal-Prinċipessa Diana.
Ħa nagħmilha ċara. L-Ingilterra għandhom il-potenzjal biex jirbħu l-Euro u fuq il-karta, fil-fehma tiegħi hu tim aħjar mill-Ġermanja, iżda għandhom problema li tidher li se tkun il-kaġun tagħhom f’din l-edizzjoni tal-Kampjonati Ewropej. Din il-problema jisimha ‘Gareth Southgate’. L-iskwdra li jmexxi hu għadha ‘l bogħod milli turi l-kwalitajiet tagħha u minkejja li fuq nota pożittiva, fl-ewwel tliet partiti tal-Euro 2020, l-Ingliżi ma soffrewx gowl wieħed, fl-attakk rajnihom jiskorjaw biss darbtejn minn total ta’ 22 xutt lejn il-lasta. Kull darba li kellhom il-ballun f’saqajhom, b’tim li jipposjedi t-talent, rajnihom imwetu r-ritmu tal-logħba flok bil-kontra.
L-opinjoni tiegħi dwar il-Ġermanja f’din il-Euro s’issa, hi waħda tajba u tajba ħafna. Kont impressjonat bil-grinta u d-determinazzjoni li urew fil-logħba kontra l-Portugall, u fl-aħħar partita kontra l-Ungerija, minkejja li għoddhom tilfu l-konfront, jekk wieħed tassew irid ikun onest u fattwali dwar kif żvolġiet dik il-partita, allura rridu nammettu li l-Ġermanja kienu bil-wisq aħjar mill-avversarji. L-Ungeriżi kienu kapaċi jiskorjaw mill-uniċi żewġ okkażżjonijiet kbar ta’ skor.
Ukrajna vs. Żvezja
It-Tlieta, 29 ta’ Ġunju, fid-9pm, f’Glasgow.
Mingħajr dubju dan id-dwell għandu l-ingridjenti biex jagħti spettaklu ta’ futbol bejn żewġ timijiet li huma fuq l-istess livell u li potenzjalment min jirbaħ din il-partita, kapaċi jkompli javvanza u jkun is-sorpriża ta’ din il-Euro. L-Iżvezja rebħu l-grupp rispettiv tagħhom, u għamlu dan minkejja li ma kienux il-favoriti. Kontra Spanja, fl-ewwel partita, lagħbu 90 minuta tattikament dixxiplinati u organiżżati biex fl-aħħar mill-aħħar ħadu r-riżultat li xtaqu. Eventwalment, dan il-pajjiż Skandinavu, kien kapaċi jirbaħ fiż-żewġ partiti l-oħra kontra s-Slovakkja u l-Polonja rispettivament, u jinsab mal-aħħar 16-il tim tal-Euro, bħala wieħed mir-rebbieħa tas-sitt gruppi.
It-tħassib għall-kowċ Żvediz, Janne Andersson hu fuq il-kompatezza tal-iskwadra fid-dipartiment difensiv. Huma se jilgħabu kontra l-Ukrajna, immexxija mill-eks leġġenda tagħhom Andriy Shevchenko. Il-logħba Ukrena qed tikkonferma kemm dan hu tim avventuruż. Soffra ħames gowls u skorja erbgħa. Rebaħ partita waħda, u li kienet biżżejjed biex ikkwalifika għal mal-aħħar 16-il tim, minkejja li tilef tnejn mit-tliet partiti tal-grupp.
//= $special ?>