L-Arċisqof Charles J. Scicluna ltaqa’ ma’ wħud mill-ommijiet li bħalissa qed jgħixu fir-residenza Dar Tgħanniqa ta’ Omm fil-Mosta… Dar li tgħin nisa u tfajliet li minkejja d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom jagħżlu li jipprotegu l-ħajja tat-tarbija fil-ġuf.
Din id-dar, li hija mmexxija mill-Fondazzjoni Life Network, toffri kenn lin-nisa tqal sa sena wara li titwieled it-tarbija, u dawn jibqgħu jiġu akkumpanjati sakemm il-mara flimkien ma’ binha jew bintha, terġa’ ssib saqajha fis-soċjetà.
Waqt iż-żjara, l-Arċisqof faħħar il-ħidma ta’ din il-fondazzjoni li qed tgħin lin-nisa u lit-tarbija tagħhom. Fakkar kif il-Papa Franġisku jsejħilna nagħtu xhieda tat-tagħlim ta’ Sidna Ġesù Kristu bil-ħidma li nwettqu ma’ dawk fil-bżonn. L-Arċisqof appella lis-soċjetà Maltija tħares id-dritt tal-ħajja, u biex toffri xibka ta’ solidarjetà lil dawk l-ommijiet li għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli.
Min-naħa tagħha l-Amministratriċi tad-dar Christie Zammit, qalet li filwaqt li matul is-sena li għaddliet Dar Tgħanniqa ta’ Omm għenet biex jiġu salvati 30 tarbija minn tqala mhux mistennija, fl-ewwel sitt xhur ta’ din is sena diġà għenet iżjed ommijiet u trabi mis-sena ta’ qabel.
Hi spjegat li din id-dar toffri servizz ta’ online chat u linji tat-telefown għas-sapport, kif ukoll servizz ta’ counselling. Spjegat li l-fondazzjoni toffri wkoll servizz ta’ tqassim ta’ ikel, ħalib u ħrieqi lill-familji, qabel u wara t-tqala skont il-bżonnijiet tagħhom.
Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Miriam Sciberras spjegat il-viżjoni u x-xogħol li jsir minn Life Network, kif ukoll il-kampanji ta’ għarfien li jsiru sabiex il-pubbliku jinżamm infurmat dwar l-importanza li tkun protetta l-ħajja.
//= $special ?>